Araw x’kitba tella’ Massimo Zammit, sostenitur akkanit tal-Ministru Laburista José Herrera. Li jkun hemm l-ammiraturi fih innifsu ma fih xejn ħażin. Ħlief li Massimo Zammit jaħbat il-kbir tat-Teatru Manoel, organizzazzjoni governattiva li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ José Herrera.
Diġà huwa ħażin li Ministri jimpjegaw nies tal-qalba biex imexxu d-dipartimenti tagħhom. Agħar minn hekk hu li José Herrera qabbad lil persuna li la għandu kwalifiki lanqas esperjenza fit-tmexxija tat-teatri, aħseb u ara tat-teatru nazzjonali.
Skont ir-regolamenti, min ikun impjegat fis-servizz pubbliku ma jistax pubblikament ifaħħar lill-Ministri li jkunu wkoll kandidati elettorali. Il-kodiċi tal-etika jipprovdi li dawn għandhom iżommu rwieħhom “politikament newtrali” u li “jiżguraw li kummenti li jagħmlu fil-pubbliku (inkluż fil-mezzi soċjali) ma jimminawx il-fiduċja tal-pubbliku fejn tidħol l-imparzjalità tal-amministrazzjoni pubblika.”
Fi kliem ieħor, jekk Massimo Zammit ikun irid jesprimi l-appoġġ tiegħu fil-konfront ta’ José Herrera kif għamel permezz tal-kitba li tella’, għandu l-ewwel jirriżenja mill-impjieg u mbagħad iħalli fid-diskrezzjoni tal-Ministru li jilħaq warajh biex jerġa’ jimpjegah jekk ikun eliġibbli.
U ma tarax!