Robert Abela keċċa żewġ ministri tal-gvern u lil ieħor qasqaslu ġwinħajh. Dawn it-tlieta lkoll kienu taħt l-iskrutinju tal-istampa, tal-oppożizzjoni, tas-soċjetà ċivili u ta’ deputati parlamentari “skaduti” li “n-nies ma jriduhomx” bħal Karol Aquilina u Jason Azzopardi, fost oħrajn.
Peress li għad għandu saħħa politika kbira tant li ma setax jitħalla b’idu f’idu, Ian Borg tneħħielu d-dipartiment tat-toroq minn taħt idejh u ngħata l-ministeru tal-affarijiet barranin. Kien ilu jingħad għal snin sħaħ kif ċerti kuntratturi kienu qed jakkwistaw kuntratti ta’ xogħol mingħand Ian Borg. X’aktarx li issa fil-ministeru tal-affarijiet barranin sejrin jonqsu l-opportunitajiet biex jimtlew il-bwiet, għalkemm l-istorja tgħallimna li għandna nkunu kawti.
John Dalli kien skopra diversi opportunitajiet. Illum Ian Borg mistenni li jiftaħ il-kotba tal-istorja – iżda ċertament mhux biex jipprova jifhem aħjar il-kumplessitajiet tal-gwerra f’dik li kienet l-Unjoni Sovjetika.
Carmelo Abela u Edward Zammit Lewis tħallew barra mill-kabinett. X’aktarx li Robert Abela xeba’ jiddefendihom. Meta Carmelo Abela kien inqabad jigdeb meta stqarr li kien nesa li l-Pulizija kienet bagħtet għalih dwar attentat vjolenti ta’ serqa minn bank li fih huwa kien jaħdem fl-2010, kien messu warrab. Ma warrabx minn jeddu u issa twarrab.
Edward Zammit Lewis kien inqabad jikkomunika ma’ Yorgen Fenech fi żmien li matulu l-mobile ta’ Yorgen Fenech kien qed jiġi eżaminat bħala parti mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Rosianne Cutajar kienet tkeċċiet għall-istess raġuni, iżda Edward Zammit Lewis tħalla jibqa’ jferfer, sakemm imbagħad huwa tkeċċa wkoll.
Tnejn oħra li huma ħaġa waħda ma’ Joseph Muscat – jiġifieri Michael Farrugia u Glen Bedingfield – tħallew barra wkoll. Owen Bonnici tħalla fil-kabinett, iżda ngħata dikasteru li fih qajla ser ikollu x’jagħmel – ministeru taparsi li fih ser ikollu li oħt il-mara tal-prim ministru bħala segretarju parlamentari.
Alex Muscat, l-eks assistent ta’ Keith Schembri u promotur ewlieni tal-iskema Maltija tal-bejgħ tal-passaporti, tħalla barra wkoll. Naħseb li ħa diksata nobis b’mod partikolari f’jum li fih Alfred Sant ħareġ jgħid li l-gvern għandu jwaqqaf l-iskema. Jista’ jagħti l-każ li Robert Abela issa ddeċieda li l-iskema jwaqqafha.
Tħallew barra wkoll Deo Debattista u Chris Agius, żewġ sostenituri magħrufin ta’ Joseph Muscat. Ma naħsibx li llum Joseph Muscat qed itir bil-ferħ.
M’hemmx dubju li l-messaġġ li Robert Abela jrid iwassal lil ta’ qablu hu li rebaħlu t-taqtiegħa għall-poter fi ħdan il-Partit Laburista.
Dan ma jfissirx li l-gvern il-ġdid iffranka l-inkwiet għall-futur. Iżda Robert Abela qed jittama li jkun jista’ jibda paġna ġdida. Li kieku jkunu biss il-politiċi “skaduti” li ma jitħallewx jitilgħu fil-Parlament u li kieku l-ġurnalisti kellhom jiġu intimidati u s-soċjetà ċivili kellha tinqered, il-paġna tkun tista’ tibqa’ friska għaliex ma jkun hemm ħadd biex jikxef l-għemil korrott tagħhom.
Għallinqas dak hu li qed jittama li jseħħ.