Persuna li tieħu ħsieb is-sigurtà ta’ Robert Abela f’dan ir-ritratt jidher liebes maskra maħruġa lilu mill-gvern li fuqha tidher l-arma uffiċjali ta’ Malta.
U ija. Tfettieq.
Jiena ngħid li dan huwa każ li jissimbolizza marda li ma ħakmitniex minn kemm ilu li tal-Labour telgħu fil-gvern u dan għaliex jien ukoll kont, sa ċertu punt, ħati tal-istess ħaġa meta fl-2013 kont kandidat għall-elezzjoni ġenerali. Iżda l-gvern preżenti qed jeżaġera u, f’ġieħ id-demokrazija, jeħtieġ li din id-drawwa tieqaf ħesrem.
Mod li tikkampanja għal partit u mod ieħor li tagħmel xi ħaġa bħala impjegat tal-gvern. Għandu jkun illegali l-użu tal-ministeri tal-gvern, tal-karrozzi, tal-impjegati, tal-karti, tat-telekomunikazzjonijiet u ta’ riżorsi oħra għall-iskop ta’ kampanja elettorali sew għaliex flus il-poplu għandhom jintefqu kif suppost, kif ukoll għaliex meta l-bilanċ jibda’ jmil favur il-gvern, il-proċess demokratiku jiġi mminat. Il-poplu jeħtieġ li jagħmel għażliet bejn kandidati u partiti li jkunu msejsin fuq raġunijiet leġittimi u skont kemm jintefqu flus fil-kampanji individwali.
Fis-sensiela The West Wing, president fittizju jinsisti li jagħmel telefonati biex jitlob flus għall-kampaja tiegħu mill-kamra tas-sodda fl-East Wing u mhux mill-iskrivanija tiegħu fl-Oval Office. Dan għaliex il-kont tat-telefon tal-East Wing jintbagħat lilu personalment filwaqt li l-kont tat-telefon li għandu fl-Oval Office jitħallas mill-poplu. Iżda kien hemm ħaġa oħra li dwarha Josiah Bartlett wera tħassib. L-iskrivanija tiegħu fl-Oval Office huwa l-post minn fejn il-President jiddeċiedi li jibgħat l-armati biex jiġġieldu fil-gwerer. Għalih ma kinitx ħaġa dinjituża li l-istess telefon jintuża għall-iskopijiet personali tiegħu.
Dik l-arma fuq il-maskra tal-bodyguard ta’ Robert Abela tirrappreżenta lill-pajjiż kollu. Robert Abela għandu jiġi mħares kullimkien, inkluż waqt attivitajiet tal-partit tiegħu. Iżda ġaladarba ser niġu naqgħu u nqumu dwar id-dehra, ma tantx ser inħabblu moħħna dwar il-mod kif isiru l-affarijiet.
U l-affarijiet mhumiex isiru sewwa.