Ftakart f’waħda minn dawk l-ikliet li tista’ ssegwihom f’xi film ta’ Luis Buñuel. Jekk int wieħed minn dawk li segwejthom, taf x’irrid infisser. U jekk ma segwejthomx, mhux ser jirnexxilek tifhem, anki meta nipprova nfiehmek.
Din il-kampanja elettorali m’għandix l-iċken dubju li ser tintrebaħ minn tal-Labour. Iżda minkejja dan, għal Robert Abela qed tidher qisha xi sforz grottesk. Prim Ministru li jinsab ċert li ser jirbaħ imissu qiegħed igawdi xahar sħiħ ta’ adulazzjoni mill-pubbliku. Imissu qiegħed jitbissem kull meta jinġibdu r-ritratti tiegħu, itaptap fuq dahru stess waqt l-intervisti li jsirulu u jippatronizza lill-ġurnalisti.
Ġaladarba jaf li ser jirbaħ, lill-ġurnalisti kien mistenni li jfittixhom hu sabiex ikun jista’ jwieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom.
Minflok jagħmel dan, lill-ġurnalisti qed jaħrabhom. Ilbieraħ tard fil-għaxija l-ġurnalisti ġew imġiegħla jistennew lil Robert Abela għal siegħa u nofs sħaħ wara li dawn kienu ssejħu biex jirrappurtaw dwar attività li hu kien ser jieħu sehem fiha. Dawn riedu jistaqsuh mistoqsijiet li kien ilu jaħrab milli jwieġeb għal 3 ijiem sħaħ.
Dawn m’humiex xi 3 ijiem kwalunkwe. Iżda huma 3 ijiem minn kampanja elettorali ta’ 33 jum, 10% ta’ kampanja elettorali sħiħa li fiha Robert Abela kellu numru kbir ta’ okkażjonijiet li fihom tkellem biex iħabbar nfieq pubbliku enormi li ppretenda li l-ġurnalisti għandhom jiktbu dwaru.
Dawn il-ġurnalisti lill-konsulenti ta’ Robert Abela issa jmisshom jgħidulhom li kemm-il darba huwa ma jwarrabx siegħa mill-ħin tiegħu sabiex ikun jista’ jwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom, mhumiex biħsiebhom ikomplu jsegwuh biex jirrappurtaw dwar l-attivitajiet elettorali tiegħu.
L-ironija hi li jekk isseħħ ħaġa bħal din, il-konsulenti tiegħu tgħidx kemm ikunu kuntenti. Dawn għandhom it-tagħmir tagħhom u anki stazzjonijiet tat-televiżjoni (TVM u One) għad-dispożizzjoni tagħhom kif xmara bla tmiem ta’ flus li biha jistgħu jixtru l-ispazju fuq il-mezzi soċjali. X’jambihom lil tan-Newsbook, lil tat-Times of Malta, lil tal-Malta Today u l-bqija ġaladarba dawn jikkonfrontawh b’mistoqsijiet validi u fl-istess ħin jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-pubbliku permezz tal-mezzi tax-xandir kontrollati minnu?
Jidher ċar li Robert Abela b’saħħa ma jridx iwieġeb mistoqsijiet marbutin mas-sitwazzjoni personali finanzjarja tiegħu. Din hi r-raġuni għala qed jaħrabhom hekk kif jilmaħhom ġejjin.
Robert Abela ser jirbaħ elezzjoni iżda qed jitlef l-awtorità u s-setgħa. Qed jipprova jimxi lejn rebħa. Iżda ma kull pass, qed jitgerbeb.
Nistħajlu bħala wieħed mill-mistiednin f’dawk l-ikliet ta’ Luis Buñuel li, mal-ewwel daqqa t’għajn, jidhru normali u attraenti. Iżda d-dikors li jingħad fihom mhuma xejn ħlief paraventu biex jgħattu l-ħmieġ u l-kallu.
F’dawn il-ftit ġimgħat li fadal tal-kampanja elettorali, Robert Abela ser jirnexxilu jibqa’ jaħrab lill-ġurnalisti?