Issemmejt fid-dibattitu tal-bieraħ li seħħ fl-Università bejn il-mexxejja tal-partiti. Il-moderatriċi, Yasmine Ellul (li spikkat ferm matul id-dibattitu) staqsiet mistoqsijiet lill-mexxejja dwar it-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’dak il-kuntest, Bernard Grech semma’ l-famuż kartellun tal-Partit Laburista li fih ritratt tiegħi. Il-mexxej Nazzjonalista fakkar (għal darb’oħra) li tal-Labour ma tgħallmu xejn minn dakinhar li, matul kampanji elettorali li għaddew, stampaw wiċċ Daphne Caruana Galizia fuq kartelluni tal-propaganda tagħhom. “L-aħħar ġurnalista li stampajtu wiċċha fuq kartellun minn tagħkom spiċċat maqtula b’karozza bomba.”
F’okkażjonijiet preċedenti, Robert Abela din il-botta injoraha. Iżda din id-darba ddefenda l-fatt li r-ritratt ta’ wiċċi ntuża fuq kartellun tal-kampanja negattiva tal-partit tiegħu. Qabeż Abela u qal: “taf li qed tirreferi għal eks kandidat tal-partit tiegħek, hux? Dak li qal li se jneħħik wara l-elezzjoni” jew xi ħaġa f’dan is-sens.
Mela skont Robert Abela, jeżistu żewġ raġunijiet li jiġġustifikaw l-istampar ta’ wiċċi fuq kartellun propagandistiku tal-PL. Wiċċi ma stampawhx fuqu għaliex xogħli huwa dak ta’ ġurnalist, qalilna. Iżda għaliex jien eks kandidat tal-PN (minn 3 elezzjonijiet ilu) li kien ikkritika lill-mexxej preżenti tal-PN. Skontu, dawn huma ż-żewġ raġunijiet li jiġġustifikaw l-istampar ta’ wiċċi f’kartellun li jittratta dwar il-firdiet interni fil-PN.
Ippermettili nwieġbek, Sur Prim Ministru. Għandi l-ħila li nsemmilek persuni oħra u ser nistaqsik il-għala wiċċhom ma jidher imkien fuq il-kartellun tiegħek minfloki. Il-għala l-uċuħ ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, Michael Falzon, Robert Musumeci, Franco Debono u Ian Castaldi Paris ma jidhru mkien? Kollha kemm huma kienu kandidati tal-PN f’elezzjonijiet fl-imgħoddi u kollha kienu kkritikaw lill-PN u/jew lill-mexxej tiegħu. Allura għaliex stampajt lil wiċċi u mhux lil wiċċ dawn kollha?
Għamilt hekk għaliex inzertajt li xogħli huwa dak ta’ ġurnalist. U xogħli trid tiskreditah.
U issa li Robert Abela għażel li jiġġustifika d-deċiżjonijiet tiegħu li jiskreditani b’dan il-mod, il-ġurnalisti kollha għandhom ikunu avżati li dawn biħsiebhom jużaw kull skuża biex jiġġustifikaw l-intimidazzjoni jew l-iżolament – żewġ elementi li l-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ ġurnalista rriżultalhom li jagħmlu parti minn sensiela sħiħa ta’ nuqqasijiet u ta’ atti malizzjużi li fetħu t-triq beraħ li wasslu għall-qtil ta’ ġurnalista.