Il-mibgħeda u l-ħdura mhumiex imsejsin fuq ir-raġuni. Huma forma ta’ mard li ma jidhirx li jeżisti fejqan għalihom.
Ilbieraħ Pia Zammit u jien waħħalna kartellun mal-faċċata tal-uffiċju tagħna ddisinjat minn Ġorġ Mallia fejn jidhru jdejn Vladimir Putin imċappsin bid-demm. Iddikjarajna li ninsabu solidali mal-Ukrajna. Kont nistenna li l-biċċa l-kbira tan-nies għandhom jaqblu ma’ din id-dikjarazzjoni. Iżda dalgħodu l-kartellun tqaċċat minn mal-ħajt minn xi ħadd li jew hu ammiratur ta’ Vladimir Putin (li bħalu fl-Imqabba ma tantx issib) jew li għandu mibgħeda sfegatata għal kulma nistqarru aħna u dan għaliex inkunu stqarrejnieh aħna (u affarijiet bħal dawn jiġru aktar spiss milli nħasbu f’lokalitajiet bħall-Imqabba). Roberta Metsola tkellmet ċar u sabet l-appoġġ kważi assolut ta’ Parlament magħmul minn 700 membru eletti direttament minn 400 miljun ruħ. Stqarret li tappoġġja l-applikazzjoni tal-Ukrajna biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Stqarrija bħal din wieħed għandu jistenna li ma tqanqalx kontroversji f’Malta. Iżda agħtu daqqa t’għajn lejn kampjun ta’ żewġ reazzjonijiet għal dak li stqarret Metsola. Ir-ritratt li rċievejt jikxef lil min kiteb kliem bħal dan u mill-Facebook jidher li dawn kienu xogħol ċerta San Drin mill-Ħamrun. Din San Drin tgħajret dwar id-dehra Roberta Metsola iżda ma naħsibx li bil-lejl lil Roberta tajritilha ngħasha.
Ċerta Doreen Abdilla lil Metsola trid titfagħha għal isfel mill-irdum. Mhux għaliex Roberta Metsola laqgħet bil-ferħ l-applikazzjoni tal-Ukrajna biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Din Doreen x’aktarx li l-Ukrajna m’għandhiex idea f’liema parti tad-dinja tinsab.
San Drin u Doreen Abdilla jsegwu One TV u qatt mhuma ser jitfejqu mill-velenu li jbellgħulhom kuljum.