Tista’ tniżżel hawn l-iskript ta’ ix-Xiħa li se tittella’ ftit tal-ġranet oħra fuq il-palk tat-teatru nazzjonali ta’ Malta.
Mhuwiex il-ħsieb tiegħi li lil dan id-dramm nagħmillu riklam. Lanqas mhi l-intenzjoni tiegħi li nara li jsegwuh ħafna nies. Jien nirrispettak u jekk trid tieħu ħsieb is-saħħa fiżika u mentali tiegħek, ikun aħjar jekk ma taqrahx. L-iskript ta’ dan id-dramm huwa wieħed medjokri u superfiċjali u dan barra li huwa wkoll miżgħud bil-mibgħeda, bil-preġudizzji u bi vjolenza morali.
Qed inxandar l-iskript biex nipprotesta kontra dan id-dramm. Mario Philip Azzopardi għandu kull dritt li jikteb u jippreżentah. U jien għandi kull dritt li nieħu għalija. U nistqarr li ħadt għalija.
Waħda min-nisa f’dan ir-ritratt taħdem il-parti ta’ karattru bl-isem ta’ Jenny, li taparsi hi Daphne Caruana Galizia. It-titlu ix-Xiħa ma jirriferix għaliha.
Ix-xiħa hi l-omm il-mejta li, f’konfoffa mal-udjenza, tivvendika ruħha mal-erba’ wliedha b’imneħirhom imxammar u egoisti billi taqtagħhom mill-wirt u tħalli ġidha lis-seftura tagħha u lil mara oħra li kienet trabbi lil uliedha. Waħda minn uliedha hi bla dubju Daphne Caruana Galizia, jew aħjar, dak li mingħalihom kienet Daphne Caruana Galizia għat-telespettaturi u s-semmiegħa tas-Super One.
Din hi mara vendikattiva, klassista, nieqsa mill-empatija u mill-emozzjoni umana. Hi tirrappreżenta karattru stereotipatiku f’dramm stereotipatiku tal-ewwel żminijiet tal-propaganda fl-Unjoni Sovjetika tas-snin 20 li fih il-qaddejja u l-plebej huma mpinġijin bħala nies twajba filwaqt li l-aristokratiċi mpinġijin bħala nies ħżiena.
Dik li taħdem il-parti ta’ Daphne, tpinġiha bħala persuna partikolarment imxajtna. Ara ftit x’kwalità ta’ diskors tlissen l-attriċi li tirrappreżentaha fid-dramm – diskors inġurjuż li int suppost għandek tiskandalizza ruħek int u tisimgħu:
“Jalla it-tfal tagħkom imutu kollha kemm huma bil-kanċer. Kull fejn tħares, ħallelin biss. SITWAZZJONI DDISPRATA.”
Lesti ruħek biex taqla’ l-istonku tiegħek.
Huwa ta’ għajb kbir li t-teatru nazzjonali kellu jaċċetta li jiffinanzja dramm bħal dan. Immaġinaw produzzjoni drammatika fi Broadway li tiddieħak bl-ekwipaġġ tal-ajruplani li ġġarrfu fil-World Trade Centre. Immaġinaw produzzjoni drammatika fuq palk Ruman li fih il-karattru ta’ Paolo Borsellino jiġi interpretat bħala wieħed li jilgħab il-flus u li jiġri wara n-nisa.
It-teatru nazzjonali tagħna qed iħallas għal dramm li jippromwovi 30 sena sħaħ ta’ gideb u vilifikazzjoni fil-konfront ta’ Daphne mill-Partit Laburista. Liema vilifikazzjoni għenet biex wasslet għall-qtil tagħha.
Iva, Mario Philip Azzopardi għandu kull dritt li jaħden produzzjoni bħal din għax ma jkunx qed iwettaq delitt meta joqtol mara bil-kliem u b’memorji foloz. Imma b’daqshekk dan ma jfissirx li dan għandna naċċettawh.
Mela mur tnejjek Mario Philip Azzopardi. Ħassartlek il-festi, ja miskin li int, għax issa l-udjenza tiegħek mhux ser tissorprendi ruħha bil-kitba tiegħek. U int u tipprova taqta’ kif ġie f’idejja l-iskript tad-dramm, ngħidlek li fit-teatru jeżistu numru ta’ impjegati li għandhom kuxjenza – għad fadal xi ftit minnhom – li tkexkxu huma u jarawkom tagħmlu l-provi.
Nittama li ħadd ma jgħaddilu minn rasu li jħassarlek id-dramm. Nittama li jittella’. Nittama li l-istudjużi tal-istorja jieħdu l-briga biex jaqrawh u jitħassbu dwar kif pajjiż jista’ jgħix seren bil-qtil ta’ ġurnalista li kienet magħrufa mad-dinja, li kienet ukoll omm, bint, mara u oħt. U jiskantaw dwar kif artisti inkompetenti jistgħu qatt jitqabbdu minn teatru biex iperrċu l-mibgħeda u l-velenu li jkollhom fl-istonku tagħhom.