Joe Camilleri mis-Siġġiewi isibuh bil-laqam tal-Putri. Kuljum preċett qiegħed itella’ ritratti mimlijin mibgħeda dwar numru żgħir ta’ persuni li għandu lanżita għalihom. Biex ikollkom idea, agħtu daqqa t’għajn lejn dak li tella’ ftit tal-jiem ilu.
Fost il-vittmi tal-mibgħeda tiegħu għandek issib lil president ta’ Repubblika Robert Aquilina u lil ħuh Karol, eks-deputat mal-PN u x’aktarx kandidat għall-elezzjonijiet każwali. Dawn ta’ spiss jissemmew flimkien ma’ missierhom Nenu li miet 9 snin ilu. Iżda dan mhux ser tkun taf bih minn dak li l-Putri jtella’ fil-Facebook.
Snin ilu, Joe Camilleri kien kunsillier indipendenti fil-kunsill tas-Siġġiewi fi żmien meta l-Partit Laburista ma kienx jieħu sehem fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Nenu Aquilina kien is-sindku tal-lokalità.
Dak iż-żmien is-sindki kienu jiġu eletti minn fost il-kunsilliera (mhux awtomatikament kif inhuma eletti llum) u Nenu Aquilina, minkejja li kien l-aktar kandidat popolari mill-voti li kien ġab, ma setax iserraħ rasu mill-voti tal-kunsilliera sħabu kollha. Iżda kien hemm żewġ kunsilliera indipendenti li jxaqilbu lejn tal-Labour li kienu appoġġjawh. Tal-Putri din ma setax jaċċettaha u mal-medda taż-żmien għamel alleanza ma’ kunsillier Nazzjonalista li jġib l-isem Robert Musumeci bil-għan li jfixkel il-kampanja ta’ Nenu Aquilina kontra l-bini ta’ fabbrika tas-siment fir-raba’ fil-limiti tas-Siġġiewi.
Lil min tafu m’għandekx tistaqsi għalih.
Dan Joe Camilleri ilu minn dak iż-żmien b’lanżita daqsiex kontra l-familja Aquilina u daqshekk ilu jipprova jiffastidjahom.
Għalkemm fil-ħajja pubblika wieħed ikollu ta’ bilfors irabbi qoxra tal-kukkudrilli, ċerta kitba xorta tibqa’ tweġġa’. Araw x’għoġbu jikteb dan il-maħmuġ.
Bil-mistoqsijiet li għamel, huwa ċar li Joe Camilleri jrid jagħmel il-ħsara lil Robert Aquilina billi jagħti x’jifhem lill-klijenti tiegħu attwali u dawk potenzjali li huwa m’għadux jaħdem ta’ nutar u li għaldaqstant m’għandhomx għalfejn jirrikorru għandu jekk ikunu jridu servizz ta’ nutar.
Repubblika m’għandhiex il-mezzi finanzjarji biex tħallas salarju lil Robert Aquilina u, fi kwalukwe każ, ir-regolamenti tal-istatut ta’ Repubblika dan ma jippermettuhx.
Mingħajr ma jitħallas u b’mod volontarju, Robert Aquilina jirsisti u jmexxi l-isforzi ta’ Repubblika kontra l-korruzzjoni u favur is-saltna tad-dritt. Għal tal-Putri dan mhux aċċettabbli u issa jrid iweġġa’ lill-familja ta’ Robert Aquilina billi jipprova joqtolha bil-ġuħ.
Hawn min jgħid li lil dan il-fanatiku għajjur u marid minn moħħu jkun aħjar jekk ikun injorat. Ilna ninjorawh. Iżda l-mibgħeda li qiegħed ixerred qed takkwistalu s-segwaċi.
Ironiji hemm kemm trid. Tal-Putri jgħajjarna negattivi meta hu stess huwa l-personifikazzjoni tan-negattività. Għal tal-Putri aħna Nazzjonalisti li ma naħmlux lil-Laburisti u dan meta l-aħwa Aquilina wirtu l-ostilità u l-mibgħeda tiegħu, dan kollu għaliex missierhom kien ikkopera ma’ kunsilliera indipendenti ta’ xejra Laburista.
Il-kitbiet mimlijin mibgħeda li qed itella’ Joe Camilleri fil-Facebook qed isibu ruħħom fi gruppi tal-Partit Laburista.
Dan mhux biss qed jhedded il-libertà tal-kelma tagħna.
Qed jheddilna ħobżna wkoll.