Dalgħodu ktibt dwar Michael Falzon, l-eks ministru Nazzjonalista mikul b’rabja u bi ħdura, li għoġbu jtella’ kitba fil-Facebook biex jesprimi l-ħerqa li għandu għal produzzjoni ta’ dramm li jgħaddi ż-żmien b’Daphne Caruana Galizia. Għadu kemm kiteb artiklu li fih stqarr li l-PN qed isofri l-konsegwenzi tal-fatt li ppermetta l-eżistenza ta’ Repubblika.

Stqarrija bħal din, li tista’ ssibha kullimkien fil-Facebook, wellidha l-Partit Laburista u qed jirrepetuha numru ta’ bħaħan Nazzjonalisti li mingħalihom li tal-One TV u Michael Falzon għandhom qalbhom perżuta għall-PN.

Ftit ilu tal-One TV xandru storja – jekk tista’ ssejħilha hekk – li fiha stqarrew li l-“Blue Heroes” “negattivi” (laqam mhux daqstant brillanti li kien ivvinta Jason Azzopardi) għad għandhom is-saħħa fil-PN u li flimkien ġabu madwar 25% tal-voti tal-PN.

Mhux biħsiebni nidħol fid-dettal għax diġà ktibt dwarhom fit-tul dan l-aħħar.

Ġiet f’idejja kitba ta’ ċertu Renè Zammit li permezz tagħha jagħti parir lill-PN biex jiftaħ għajnejh u jeħles mill-blue heroes, anki jekk jitqażżu jużaw il-frażi u, m’għandniex xi ngħidu, jeħilsu minn Andrew Borg Cardona (“bla boċċi” frażi oħra li weħlet), minn Repubblika, u minni.

 

Tkixxift dwar dan Renè Zammit. Dan kien kunsillier tal-Partit Laburista għal bosta snin – xejn ħażin b’daqshekk – għalkemm niddubita kemm jista’ joffri pariri ġenwini lill-PN.

Skoprejt ukoll li huwa faxxist akkanit.

Fuq LinkedIn u fuq il-Facebook issibu jikkwota lil Vladimir Putin fis-sens li l-Ukrajna tinsab invażata bin-Nażisti. Jiċħad ukoll il-provi li tfaċċaw dwar delitti tal-gwerra u atroċitajiet li seħħew fl-Ukrajna mill-armata Russa. U lill-mezzi tax-xandir li qed iwasslu aħbarijiet mill-Ukrajna jixlihom b’gideb.

Hawn insibuh jiċċelebra r-rebħa ta’ Victor Orban fl-Ungerija. Jikteb dwar “propaganda satanika” (frażi li ta’ spiss ilissinha Orban) hu u jirreferi għal kitbiet li jistqarru l-umanità tal-omosesswali. M’għandniex xi ngħidu, huwa wkoll omofobiku.

Hawn insibuh jgħajjar lil Ursula van der Leyen li hi saħħara. M’għandniex xi ngħidu, huwa misoġinsitiku wkoll. X’tistenna?

Jekk dan l-imbierek lili jikkunsidrani bħala “klawn imbeċilli li qażżeż ‘l Alla bil-kantaliena tan-negattività” – irranġajtlu l-ortografija għax jidher li m’għandux il-ħila li jikteb mingħajr żbalji – ikun qed ipaxxini.

Xi drabi taqa’ l-maskra u l-faxxisti dlonk jinkixfu ta’ li huma.