Il-qorti llum tat sentenza li permezz tagħha qalet li ġurnalist kien irnexxielu sostanzjalment jipprova allegazzjonijiet li huwa kien xandar fl-2016 dwar Neville Gafà. Sadattant, David Lindsey – il-ġurnalist in kwistjoni – m’għadux jaħdem ta’ ġurnalist u qed jaħdem f’mestier differenti. Il-kawża li saret kontrih kellha ħafna dewmien. Il-Maġistrat li kien beda jismagħha kien inħatar Imħallef u dan il-fatt ħoloq aktar dewmien.
Ix-xhieda prinċipali tal-ġurnalist kienu weħlu fil-Libja fi żmien il-gwerra ċivili u ma tħallewx jiġu Malta biex jixhdu. Dawn xtaqu jixhdu mil-Libja permezz tal-video conferencing, iżda nħela ħafna u ħafna żmien u ntalbu differimenti wieħed fuq ieħor sakemm uffiċjali tal-qorti taw x’jifhmu li riedu żmien biex jitgħallmu jħaddmu l-iSkype. Sadattant, kif inhu allegat, dak li beda l-kawża – jiġifieri Gafà – mar il-Libja u lix-xhieda pprova jxaħħamhom u dan bil-għan li dawn joqogħdu lura milli jagħtu x-xhieda tagħhom.
Saru bosta bsaten fir-roti. U, minkejja dan kollu, David Lindsey irnexxielu sostanzjalment jipprova li uffiċjal għoli tal-gvern ipprova jxaħħam lil persuni li fil-gwerra ċivili tal-Libja kienu ndarbu jew baqgħu ma ngħatawx kura medika.
Hija tassew ħasra li David Lindsey m’għadux jaħdem bħala ġurnalista. Hi ħasra wkoll li ma jaħdimx bħala pulizija jew bħala prosekutur pubbliku. Għaliex, minkejja l-fatt li kellna nistennew 6 snin sħaħ sforz id-dewmien fil-qorti u sforz il-bsaten fir-roti li wettqu, sal-lum kien ikun irnexxielu jipprova b’mod sostanzjali d-delitti li wettaq Neville Gafà f’qorti kriminali minflok f’qorti ċivili u Neville Gafà kien ikollu jħallas mhux biss l-ispejjeż legali.
Jekk xejn, dan il-każ jikkonferma l-urġenza li tiddaħħal il-“Liġi ta’ Daphne”, jiġifieri r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kumissjoni Ewropeja sabiex jiġu riformati l-liġijiet tal-libell bil-għan li jiġu mħarsa l-ġurnalisti mill-effetti ta’ kawżi vessatorji. Jekk, fiż-żmien meta kienu saru dawn il-kawżi, kien hemm xi ħadd li kien jaf sewwa li l-istorja li kien xandar David Lindsey kienet “sostanzjalment korretta”, dan kien Neville Gafà. Dan ifisser li l-kawża ma kien messu qatt għamilha u issa jmissu qed ibati l-konsegwenzi ta’ għemilu.
Li kieku l-Liġi ta’ Daphne kienet parti mil-liġijiet tagħna, din il-kawża kienet tkun ilha li nqatgħet kontra Gafà. U talli jkun għamilha, Gafà jkun imissu jiġi mġiegħel iħallas id-danni lil David Lindsey.
B’kitbietu, David Lindsey kien qed jipprovdi servizz lill-pubbliku u lill-qarrejja tiegħu infurmahom li persuna li hi fil-qrib ħafna ta’ Joseph Muscat u ta’ Keith Schembri kienet qed ixaħħam lil persuni li kienu ndarbu u li kienu jeħtieġu l-kura medika. Kif qatt tista’ storja ma tkunx fl-interess tal-pubbliku?
U talli pprovda dan is-servizz, għal snin sħaħ David Lindsey ġie ffastidjat u għex taħt riskju finanzjarju serju.
Iżda mhuwiex l-uniku vittma. Il-pubbliku kellu – u għadu – jissaporti l-preżunzjoni tal-innoċenza ta’ Neville Gafà. Anki issa. Dan għaliex Neville Gafà qatt ma tressaq il-qorti – mhux għaliex huwa innoċenti (il-provi li tressqu u x-xhieda li nstemgħet juru li mhuwiex) iżda għaliex il-Pulizija għażlet li tagħlaq għajnejha.
Dawn baqgħu jillużingaw bit-tama li l-istorja tintnesa mal-medda taż-żmien. Damu 9 snin biex ressqu lil John Dalli. 7 snin biex ħarġu mandat ta’ arrest kontra l-kuġin ta’ Keith Schembri, Ryan. Damu 5 snin biex ressqu lil Keith Schembri l-qorti dwar il-ħadma tal-Allied Newspapers. Għaddew 7 snin minn meta feġġ l-iskandlu tal-Panama Papers u Keith Schembri u Konrad Mizzi baqgħu ma tressqux il-qorti. Għaddew 4 snin minn meta Ram Tumuluri telaq minn Malta u għaddiet sena minn dakinhar li sirna nafu bil-ħlasijiet li kienu saru lil Joseph Muscat u ħadd ma tressaq il-qorti dwar l-iskandlu tal-Vitals. Għaddew 7 snin minn dakinhar li Daphne Caruana Galizia kixfet it-taħwid tas-sid tal-Pilatus Bank u d-diretturi tiegħu għadhom sal-lum jiġru barra. U dan biex insemmu wħud mill-każijiet biss.
Kien hemm żmien li fih bdew iwaħħlu f’Ian Abdilla. Iżda dan għamluh waqt l-inkjesta pubblika sentejn ilu. Sadattant la tressaq il-qorti Ian Abdilla u wisq inqas Lawrence Cutajar.
Tajjeb li nibqgħu ninsistu li l-ġurnalisti għandhom jiġu mħarsa. Dan nagħmluh għaliex irridu li l-pubbliku jibqa’ jkun infurmat.
Iżda lill-pubbliku infurmat min qed jagħmillu tajjeb kull darba li l-Pulizija, minkejja li jkollha l-informazzjoni kollha, tibqa’ b’idejha fuq żaqqha?