Delegazzjoni tal-kumitat tal-Parlament Ewropew responsabbli għall-qasam tal-ġustizzja ppruvat tiltaqa’ mal-Ministru tal-Ġustizzja l-ġdid Jonathan Attard waqt żjara tagħhom f’Malta aktar kmieni din il-ġimgħa u għalkemm fl-aħħar irnexxielhom jarawh, ma semgħuhx ilissen imqar kelma waħda li hi waħda.
Għejjun qaluli li d-delegazzjoni tal-Ewroparlamentari, li fost il-membri tagħha kien hemm is-Soċjalist Franco Roberti, talbet li tiltaqa’ mal-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard biex issir taf aħjar x’programm ta’ riformi għandu biex jiżgura li Malta tkun tista’ tiġġieled aħjar kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u biex iseħħ is-saltna tad-dritt. Barra milli huwa membru tal-istess partit politiku Ewropew bħal dak tal-ministru tal-ġustizzja, Franco Roberti hu espert fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u dan billi serva għal bosta snin bħala prosekutur anti-mafja nazzjonali fl-Italja.
Imma la l-Ewroparlamentari Roberti u lanqas il-kumplament tal-membri tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew ma tħallew jistaqsuh mistoqsijiet għax dan ma wriex li kien lest li jiltaqa’ magħhom f’ebda ħin li ġie suġġerit lilu.
Minflok, Jonathan Attard talab li jingħaqad ma’ parlamentari oħrajn f’laqgħa inter-parlamentari li d-delegazzjoni kellha mal-membri parlamentari Maltin miż-żewġ naħat tal-Kamra. Il-membri parlamentari Ewropej oġġezzjonaw għal dan għax fil-fehma tagħhom ministru tal-gvern u l-membri parlamentari (saħansitra membri parlamentari ġejjin mill-istess partit tal-gvern) għandhom rwoli differenti u d-diskussjonijiet dwar pjanijiet tal-gvern u oħrajn dwar il-fehmiet tal-membri parlamentari dwar dawn il-pjanijiet kellhom jinżammu separati.
Fuq talba tal-Ewroparlamentari, Jonathan Attard spiċċa biex tneħħa mid-delegazzjoni Maltija fil-laqgħa inter-parlamentari. Iżda l-grupp parlamentari Laburista xorta waħda kien rappreżentat mis-segretarju parlamentari Rebecca Buttigieg li taqa’ taħt il-Ministeru tal-Intern. Il-Partit Laburista kien rappreżentat minn Andy Ellul u minn Randolph Debattista. Wara l-laqgħa mal-membri parlamentari lokali, l-Ewroparlamentari stqarrew li l-membri parlamentari min-naħa tal-gvern lanqas kellhom idea dwar il-kwistjonijiet li hemm fuq l-aġenda tagħhom.
Kellhom tamiet għal-laqgħa li kien ser ikollhom mal-Prim Ministru Robert Abela. Sabuh imdawwar b’numru mdaqqas ta’ ministri, inkluża dik li diġà kienu ltaqgħu magħha, Rebecca Buttigieg. Hekk kif lemħu lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard madwar il-mejda, l-Ewroparlamentari bħal donnhom ħadu r-ruħ. Iżda dawn spiċċaw biex ħarġu diżappuntati għaliex, waqt il-laqgħa ma’ Robert Abela, ebda wieħed mill-5 ministri ma tniffes. Ma jidher li kien hemm l-ebda raġuni għall-preżenza tagħhom, ħlief biex jippużaw għar-ritratt.
Lill-Ewroparlamentari, Robert Abela serrħilhom rashom aktar minn darba li l-gvern tiegħu kien impenjat li jsaħħaħ is-saltna tad-dritt għax din iġġib aktar flus lejn il-pajjiż.
Waqt il-konferenza stampa li kellhom fi tmiem iż-żjara tagħhom, l-Ewroparlamentari Franco Roberti stqarr li l-awtoritajiet Maltin daħħlu r-riformi għax kienet saret pressjoni fuqhom mill-istituzzjonijiet internazzjonali. Fakkar li liġijiet li jħaffu l-ġlieda kontra l-kriminalità għandhom jitfasslu għax hekk hu sewwa u mhux minħabba pressjoni internazzjonali.