Flimkien ma’ ġurnalisti oħrajn, l-Ewroparlamentari mill-kumitat LIBE li din il-ġimgħa żaru Malta stednuni biex inwasslilhom il-ħsibijiet tiegħi dwar il-progress li għamlet Malta fejn għandha x’taqsam id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.

Dawn talbuna wkoll biex ngħidulhom x’għajnuna tista’ tagħtina l-Unjoni Ewropea. Fi kliem ieħor, kif tista’ l-Unjoni Ewropea taqlagħna mil-letarġija li għandna fil-konfront tat-twettiq tar-riformi demokratiċi? Jew inkella, kif tista’ l-Unjoni Ewropea tinċentiva t-twettiq tar-riformi?

Dawn il-mistoqsijiet huma aktar rilevanti fil-każ tal-Ungerija. Ma’ dan il-pajjiż, l-Unjoni Ewropea qed tħejji t-triq biex tissospendi l-benefiċċji finanzjarji li ġġib magħha s-sħubija sakemm terġa’ tiġi rispettata s-saltna tad-dritt. L-Unjoni Ewropea għandha timxi fl-istess triq fil-konfront ta’ Malta?

L-Ewroparlamentari ma ġewx hawn biex jhedduna. Din il-mistoqsija għamluha sabiex jiġu identifikati r-riformi li t-twettiq tagħhom jista’ jissarraf f’aktar benefiċċji u mhux biex jaraw x’kastigi jistgħu jingħatawlna kemm-il darba r-riformi ma ndaħħluhomx.

Kien hemm minn fost sħabi li beżgħu li jista’ jkun hemm reazzjoni negattiva kemm-il darba l-Unjoni Ewropea titpinġa bħala organizzazzjoni li tuża l-mezzi finanzjarji biex timponi r-rieda tagħha fuq Malta. Lil dawn nasal biex nifhimhom. Iżda jien nemmen li jkun dejjem aħjar jekk l-Unjoni Ewropea tibqa’ dejjem fuq in-naħa tas-sewwa milli tibqa’ tissussidja dawk il-pajjiżi li jheddu d-demokrazija fi ħdanhom stess.

It-tweġiba tiegħi fil-qosor lill-Ewroparlamentari u lill-aġenzija internazzjonali hi din li ġejja: ibqgħu iffukaw fuq Malta, ibqgħu għamlu l-pressjoni fuq l-awtoritajiet Maltin, ibqgħu għamlu l-parti tagħkom sakemm taraw li l-ħidma tagħkom bdiet tagħti l-frott.

Iżda hemm ukoll kwistjoni oħra. Sabiex tassew iseħħu t-tibdiliet, mhux biżżejjed li jkun hemm pressjoni minn barra. Jeħtieġ li jkun hemm pressjoni minn ġewwa wkoll. Huwa faċli li wieħed jixli lill-awtoritajiet b’letarġija u b’aġir ta’ nofs kedda. Il-problema tinsab fil-fatt li, fejn tidħol il-governanza tajba, l-poplu Malti jiġi, jaqa’ u jqum.

Agħtu daqqa t’għajn lejn l-artiklu li kiteb fit-Times of Malta llum l-eks Prim Imħallef u eks Ombudsman Joe Said Pullicino. Hu u jindirizza lill-istudenti tal-liġi, wera dispjaċir tiegħu għall-fatt li dawn jiġu jaqgħu u jqumu mill-governanza tajba ta’ pajjiżhom. Jiġu jaqgħu u jqumu jew inkella jibżgħu li jsemmgħu leħinhom.

L-artiklu ta’ Joe Said Pullicino huwa twiddiba iżda ma naħsibx li jammonta għal kritika ħarxa. Il-kritika ħarxa jidher li ma twassal imkien. Kif ammetta l-eks Prim Imħallef stess, l-assassinju permezz ta’ karrozza-bomba ta’ ġurnalista li kienet qed tinvestiga l-korruzzjoni ma qeridx il-letarġija. Lanqas mhi ser teqridha t-twiddiba ta’ anzjan li għandu fuq it-tmenin sena.

Ma nafx x’inhu għaddej minn moħħ l-istudenti tal-liġi, jew għallinqas ta’ dawk li qraw l-artiklu. Wara li jkunu qrawh ma nafx humiex ser iħossu li kien messhom għamlu aktar jew li minn issa ‘l quddiem għandhom ikunu aktar attivi b’riżq pajjiżhom u b’riżq poplu ingrat u letarġiku.

X’inhu għaddej minn moħħ Joe Said Pullicino, jien ma nafx lanqas. Iżda nista’ nimmaġina x’ħass hu u jisma’ lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-eks Ministri tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u Owen Bonnici jpinġu tibdiliet nofs kedda tagħhom bħala “riformi bla preċedent” jew li dawn “jirrispettaw is-saltna tad-dritt” bħal qatt qabel.

Dan qed ngħidu mhux għaliex Joe Said Pullicino għandu kompetenza professjonali kbira u huwa bniedem mogħni b’biżżejjed esperjenza legali u amministrattiva biex jgħarbel dawn it-taparsi riformi. Said Pullicino jaf ben tajjeb li s-“saltna tad-dritt” tfisser ħafna aktar minn dak li mingħalih tfisser il-gvern.

Min jaf x’qed iħoss ġo fih hu u jiftakar f’dak li ħass hu u jisma’ x-xhieda waqt l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Bosta huma dawk li qraw biċċiet minn dak li qalu diversi xhieda waqt l-inkjesta. Oħrajn kienu preżenti fl-awla b’mod partikolari waqt li kienet qed tinstema’ x-xhieda li taw Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Joe Said Pullicino kien wieħed mit-tliet imħallfin li sema’ fis-skiet u b’paċenzja kbira dak kollu li dawn kellhom xi jgħidu u m’għandix dubju li baqa’ kalm u żamm kontroll sħiħ għax lil dawn tliet xhieda korrotti, għażżenin, arroganti u kriminali li dehru quddiemu ma bagħathomx jixxejru. Lanqas l-avukati tal-familja ma kienu preżenti biex jgħaddu xi rimarka ‘l hemm u ‘l hawn.

Huwa żamm dinjità sħiħa minkejja l-fatt li Malta, il-liġijiet tagħha, il-gvern tagħha u l-poplu tagħha kienu fl-iżbarra mixlijin b’indifferenza patoloġika jew bi twettiq ta’ vjolenza. Hu u sħabu ma setgħux ma jsejsux il-konklużjonijiet tagħhom fuq dak li kienu semgħu mix-xhieda tal-inkjesta – jiġifieri li pajjiżna huwa gżira qattiela – kif sejħilha Carlo Bonini fl-ewwel ktieb tiegħu dwar is-suġġett: “L’isola assassina

Fl-artiklu tiegħu Joe Said Pullicino kiteb li għalih kienet esperjenza trawmatika meta sab ruħu wiċċ imb wiċċ mal-kruha tal-verità. Ta’ min jiftakar li dan l-eks Imħallef għamel madwar 60 sena jiġġieled l-inġustizzji bħala avukat, bħala mħallef, bħala regolatur u bħala ombudsman. Minkejja din l-esperjenza kollha, stqarr li ma kienx preparat għall-kruha li kixfet il-verità wara l-qtil ta’ Daphne.

Dalgħodu jien u naqra l-artiklu, ftakart f’diskors li kien għamel fi Strasburgu r-raġel ta’ Daphne, Peter, xi xahar wara li kienet inqatlet martu. Huwa kien tkellem dwar l-esperjenzi ta’ martu li kienet kixfet il-kruhat li jeżistu taħt il-qoxra tas-sbuħija u n-normalità superfiċjali ta’ Malta. Hi hu tikxef il-ħmieġ, li kien xokkanti għaliha kien il-fatt li dak li kienet ilha tissuspetta kien kollu minnu. Ma setgħetx tagħmel tabirruħha li l-ħmieġ ma jeżistix. Din ir-realtà ma setgħetx taħrabha u tipprova tgħattiha.

Bqajna sal-lum nippruvaw ngħattu r-realtà. Joe Said Pullicino, eżatt bħal Daphne Caruana Galizia qablu, għandu udjenza indifferenti.

X’qatt jistgħu jagħmlu l-barranin biex jgħinuna meta aħna stess lanqas biss nindenjaw ruħna li ngħinu lilna nfusna?