Araw kif ikkummenta Anton Refalo hekk kif tat-Times of Malta staqsewh dwar il-plier tal-mili ta’ żmien ir-Reġina Vittorja li kien tqaċċat minn fejn kien jinsab u spiċċa fil-ġnien privat tiegħu biex b’hekk ikun jista’ joqgħod jammirah waqt li jkun qed iċafċaf fil-pixxina tiegħu.

Parti mir-raġuni l-għala Anton Refalo qed jibqa’ jgħaddiha lixxa hi li bosta huma dawk li ma japprezzawx mill-ewwel is-sinjifikat storiku tal-plier li huwa seraq. Dan wieħed jasal biex jifhmu. Għalkemm forsi għandu jingħad ukoll li Anton Refalo stess tant japprezzah li ħatfu għalih.

Jidher madankollu li l-apprezzament ta’ Refalo għandu l-limitu tiegħu. L-iskop wara t-tqegħid fi triq ta’ plier tal-mili hu sabiex jimmarka l-kejl ta’ mil jew ta’ distanza fiżika minn lok għal ieħor bħalma hu, ngħidu aħna, belt kapitali jew inkella l-iskop speċifiku ta’ lokalità speċifika jew il-lokalità ta’ min hi. Dan ifisser li plier tal-mili m’għandu qatt jinqala’ minn postu u, meta jinqala’, l-valur tiegħu jonqos drastikament.

Ironikament Anton Refalo jridha ta’ xi dilettant ta’ ħwejjeġ storiċi u  f’moħħu ċertament jipprova jiġġustifika l-ħtif li għamel tal-plier li qed nidħaddtu dwaru. Iżda ħmar kien, u ħmar baqa’. Dan mhux biss seraq oġġett storiku, iżda qalgħu minn postu u ħassar il-memorja storika ta’ oġġett li postu ma seta’ qatt ikun band’oħra.

Dan il-plier tal-mili ma nafx minn fejn inqala’ u nissuspetta li għad nisimgħu li dan inqala’ minn xi post imwarrab jew minn post fejn illum hemm xi triq wiesgħa. Nissuspetta li l-iskuża li ser iġib Anton Refalo hi li l-plier tal-mili salvah għall-posterità. Skuża mill-aktar banali.

Dan l-imbierek ta’ Anton Refalo mingħalih li kull darba li jipprova jaħrab milli jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti jkun qed iġib ruħu fl-interess tal-ġustizzja. Kemm hu baħnan! Dan mingħalih li, għax hu avukat, jista’ jagħmel li jrid u li jfettillu.

L-interessi tal-ġustizzja ċertament ma jservihomx meta jonqos milli jwieġeb mistoqsija dwar kif plier tal-mili spiċċa fil-ġnien tiegħu – oġġett li bla dubju mhuwiex u qatt ma kien tiegħu u li postu mhuwiex f’daru. Ikun fl-interess tal-ġustizzja biss meta oġġett misruq jintradd lura.

Fit-titlu ta’ din il-kitba semmejt lil Caravaggio b’mod sarkastiku għal żewġ raġunijiet. L-ewwel: xi snin ilu kienet insterqet pittura tal-Caravaggio mill-Kon-Katidtral ta’ San Ġwann. It-tieni: bosta huma dawk li japprezzaw il-valur storiku ta’ pittura stil barokk għaliex jifhmu li l-valur tiegħu huwa wieħed imprezzabbli (f’termini monetarji) jew għaliex ikun jidhrilhom li, minħabba l-isfond reliġjuż, oġġett ikollu aktar importanza milli qatt jista’ jkollu plier tal-mili.

Jekk xi darba tonqos mill-Kon Katridral ta’ San Ġwann pittura tal-Caravaggio u jkun hemm xi proxxmu li din il-pittura jilmaħha mdendla fis-salott tiegħi – kif il-plier tal-mili misruq intlemaħ mill-ajru fil-ġnien ta’ Anton Refalo – ibqgħu ċerti li mhux ser jgħiduli biex il-pittura nibqa’ nżommha fis-salott tiegħi sakemm jintemm il-kors tal-ġustizzja.

Bla dubju l-pittura jeħduhieli dak il-ħin stess, jerġgħu iqegħduha f’postha u jinbeda l-proċess biex jiġi stabilit jekk kont jien li sraqtha u x’kastig għandi naqla’ kemm-il darba ninstab ħati. U dan jgħodd anki jekk jien m’jiniex ministru tal-gvern responsabbli għall-wirt storiku nazzjonali b’dmir ewlieni li nħares il-liġijiet tal-pajjiż.

U bil-plier tal-mili fil-ġnien tiegħu, Anton Refalo mhux biss mhuwiex jikkopera mal-kors tal-ġustizzja. Qiegħed jagħmel il-bsaten fir-roti u jisfidaha. Baqa’ jżomm għandu oġġett misruq bi tbissima fuq fommu.  Dan, għal ġieħna, ministru tal-gvern li kien responsabbli fl-imgħoddi għall-wirt storiku u li jinsab fid-dmir li jħares il-liġijiet tal-pajjiż.

Dan l-imbierek kif għadu ministru u kif għadha ma ddabbritlux rasu?