Din il-kitba li Joe Brincat għoġbu jtella’ fil-Facebook ma perriċthiex hawn biex inkompli nikkonferma l-kredenzjali Mintoffjani tiegħu. Dawn il-kredenzjali issa ilhom magħrufin sewwa.

Din il-kitba rriproduċejtha hawn għaliex tista’ ssib tweġiba għall-mistoqsija li saret dalgħodu dwar ir-raġuni għala l-votanti Malti tal-Eurovision m’għamlux bħall-bqija tal-Ewropej u naqsu li jivvutaw għall-kanzunetta tal-Ukrajina, bi tpattija għat-tbatija li jinsabu għaddejjin minnha.

Lil Volodymyr Zelensky, Joe Brincat xlieh li ġab ruħu qisu xi ħakkiem hu u jindirizza lill-Parlament Malti biex jgħidilna kif għandna nġibu ruħna u biex jispjegalna x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ pajjiżu. Għaliex, oħroġ il-għaġeb, lill-Maltin jekk ma tgħollihomx mas-smewwiet bit-tifħir malajr jibdew isemmulek il-kolonjaliżmu u jixluk li tkun ġejt fosthom biex tisfruttahom.

Lil Joe Brincat ħarbitlu l-ironija iebsa li, għal sekli sħaħ, l-Ukrajina kienet inħakmet minn pajjiżi oħra u – kemm il-darba d-diskors ser jaqa’ fuq il-ħakkiema u dawk li jkunu nħakmu –  jeħtieġ nifhmu li l-vittmi tal-ħakma huma huma.

Lill-mezzi tax-xandir lokali xliehom ukoll talli rrappurtaw dak li qal Volodymyr Zelensky (s’intendi, ma kienx qed igħid għal TVM u One) u li ġabu ruħhom ta’ kolonjalisti servili għaliex, li kieku kienu patrijotti, kienu jħarsu widnejn il-Maltin mill-kritika ġejja minn barra.

Qal ukoll li d-diskors ta’ Zelensky x’aktarx sar bi ksur tal-obbligu kostituzzjonali tan-newtralità u tal-klawżola li tgħid li Malta hi stat mhux allinejat u li ma żżommx ma’ xi wieħed mis-superpotenzi. Qal li r-Russja hi superpotenza u għaldaqstant ma nistgħux inkunu kontriha billi anki nagħtu widen li dak kollu li kellu xi jgħid Volodymyr Zelensky.

Joe Brincat ma semma’ assolutament xejn dwar it-tbatija li jinsab għaddej minnha l-poplu Ukren u l-ħsara li qed ikollu jsofri frott ta’ attakk mhux provokat.

Jinteressah biss dwar kif jeffettwana d-diskors ta’ Zelensky u rrabja talli dan kellu l-“ardir” li jitħaddet dwar il-ħtiġijiet ta’ pajjiżu minkejja li kien ġie mistieden biex appuntu jagħmel dan. U meta ngħid “jeffettwana” rrid infisser il-mod kif diskorsu jista’ b’xi mod ikun ta’ inkonvenjent għalina. U mhux kif jista’ jħarrabna ‘l barra minn djarna, joqtol lil ħafna minna u jdaħħalna fi gwerra li ħadd minna ma ried. Iżda għaliex għandu jimpurtana? Dan l-inkwiet, wara kollox, għaddej minnu ħaddieħor. Mhux aħna.

Skont Joe Brincat, il-Maltin wrew li huma ġwejjef meta lil Volodymyr Zelensky ma bgħatuħx isaqqi l-ħass hu u jindirizza bla tlaqliq lill-Parlament Malti.

Skont Brincat, il-ġwejjef huma dawk li fehmu sewwa lil Zelensky u mhux il-buffi tan-newtralità li jġibu ruħħom bħal dawk il-ħakkiema li jagħmlu l-arja fuq poplu maħkum biex b’hekk ma jidhrux koroh mal-ħakkiem, jiġifieri r-Russja.

Huwa Joe Brincat li hu n-neo-kolonjalista li jwarrab minn nofs biex, bħal ġifa, jgħaddu l-ħakkiema. Ma nafx kif il-bejgħ tal-passaporti lil xi 1000 sinjurun Russu ta’ Vladimir Putin, Joe Brincat qatt ma qiesu bħala ksur tan-newtralità tagħna. Iżda mbagħad jekk invażjoni brutali ta’ pajjiż issejjħilha kif għandek issejjħilha – jiġifieri gwerra – tkun qed tikser il-Kostituzzjoni.

Joe Brincat m’huwiex waħdu b’dawn is-sentimenti.

L-avukat Laburista Chris Cilia kiteb ukoll fil-Facebook ftit qabel tkellem Zelensky. Jidher ċar li dawk li jivvutaw fil-Eurovision ma jaħsbuhiex bħali u lil Joe Brincat u lil Chris Cilia kien hemm bosta li ggustawhom u qalulhom “bravu” u “prosit”. Sirna poplu għażżien u injorant li moħħu biss fih innifsu hu u jitmexxa minn ċorma ta’ Mintoffjani.

Jien u naqra dan il-kliem, mingħajr ma ridt ftakart f’dawk il-famużi erba’ kelmiet tal-aħħar.

Itik li tiddispra.