KITBA MĠEDDA: Christian Abela kiteb biex iwieġeb għall-kitba t’hawn isfel. Ikklikkja hawn biex taqra t-tweġiba tiegħu.

Iċ-chief of staff tal-Ministru Għawdxi l-ġdid it-tabib Jo Etienne Abela li taħtu jaqa’ d-dipartiment dwar l-anzjanità attiva, warrab mill-kariga wara biss tliet ġimgħat. Ma ngħatatx raġuni uffiċjali l-għala warrab dak li kien il-kap tas-segretarjat Alex Vella Muscat, li min-naħa tiegħu irrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet li għamiltlu. Madankollu minn diversi għejjun fi ħdan il-ministeru ta’ Abela, rriżultali li Vella Muscat x’aktarx warrab minħabba r-rwol mhux uffiċjali ta’ ħu l-ministru Christian li baqa’ jridha ta’ kap ta’ dan id-dipartiment.

Christian Abela huwa impjegat tal-Gozo Channel u m’għandu ebda rabtiet mad-dipartiment li jaqa’ taħt ħuh il-Ministru. Madankollu huwa ta’ spiss intlemaħ fil-Ministeru u uffiċjali anzjani li jaħdmu f’aġenziji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Jo Etienne Abela kkonfermaw li raw lil Christian Abela jieħu deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-operat tad-dipartiment.

Christian Abela huwa midħla tax-xogħol politiku. Wara l-elezzjoni tal-2013 huwa kien ingħaqad mas-segretarjat privat ta’ Anton Refalo iżda tkeċċa wara biss ftit xhur, wara li, minn investigazzjoni interna li kienet saret, irriżulta li kien ixxaħħam meta l-gvern kien ordna għamara mingħand fornitur lokali għal prezz eżorbitanti. Christian Abela mbagħad għadda biex ingħaqad mal-Gozo Channel.

Dan Christian Abela rritorna fl-arena politika fi rwol ewlieni malli ħuh iddeċieda li jikkontesta l-elezzjoni. Waqt il-kampanja elettorali, bosta pazjenti tal-Isptar Ġenerali f’Għawdex ġieli nnutaw li kien ikun fis-sakra.  Skont għejjun fl-isptar kien “għamel xenata” u spiċċa biex tneħħa mill-isptar minn ħuh.

Sadattant, Jo Etienne Abela qabbad lill-mara ta’ ħuh biex tkun is-segretarja privata tiegħu.