Tal-Malta Today xandru ritratt li sabu fil-Facebook ta’ wieħed minn dawk li allegatament bgħabsu bl-arloġġi f’karrozzi sekondaman li nbiegħu jippoża ma’ Robert Abela fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja. Jirriżulta li Robert Abela kien l-avukat ta’ dan il-bniedem.

Robert Abela kien ukoll l-avukat ta’ allegat frodist ieħor – Christian Borg – li jmexxi negozju tal-kiri tal-karrozzi li allegatament intuża biex jaħbi l-ħasil tal-flus maħmuġin.

Robert Abela kien ukoll l-avukat ta’ Joseph Muscat. L-uffiċċju tal-prim ministru sar qisu l-bitħa fejn jinġabru l-ħallelin kull filgħodu fil-ħabs.

Mill-mod kif jesprimi ruħu, tistħajjel li Robert Abela jippretendi li ħadd ma kellu għalxiex ikemmex xufftejh kull darba li kien jagħti s-servizzi legali tiegħu lill-ħallelin meta kien jaħdem ta’ avukat. Iżda din mhix xi kritika bħal dik li ssir lil kirurgu li jkun isalva ħajjet ħalliel li jkollu qalbu dgħajfa.

Jidher li li prim ministru tagħna kien imfittex sewwa għas-servizzi tiegħu minn dawk li kienu jisirqu lill-gvern, li issa jinsab immexxi minnu. Jidher ċar ukoll li Robert Abela kien jispeċjalizza fil-pariri li kien jagħti lill-kriminali “puliti” li kienu jwettqu atti frawdolenti ta’ ċertu kobor.

Nagħmilha ċara li b’ebda mod ma jien qed nissuġġerixxi li Robert Abela kien jagħti pariri lill-ħallelin dwar kif għandhom imexxu l-attività kriminali tagħhom. Hu biss jista’ jgħid jekk qatt qabiżx il-fruntieri tal-imġiba etika. Madankollu wieħed ma jistax jinjora l-fatt li għall-ħallelin u għall-frodisti kien għajn ta’ wens. Dan il-wens sabuh hekk kif qabbduh biex jiddefendihom bħala avukat. U – agħar minn hekk – dawn fittxew li jindehsu miegħu minn dakinhar li ma setax ikompli jagħtihom il-pariri legali għaliex kien leħaq prim ministru.

Mill-Malta Today: “Mistoqsi x’kienet ir-raġuni għala kienet saret laqgħa f’Kastilja ma’ Alex Spiteri, kelliem għal Abela stqarr li ‘l-Prim Ministru b’mod regolari jiġi mitlub – bħal f’dan il-każ – li jiltaqa’ ma’ diversi persuni u organizzazzjonijiet minn kull sfera tal-ħajja’. Għażel li ma jelaborax fuq dan.”

Ma jkunx aħjar jekk ma tkomplux tgħadduna biż-żmien? Minn kull sfera tal-ħajja? Il-Prim Ministru jidher li jagħżel b’reqqa kbira ma’ min jiltaqa’. Naf b’NGOs li ilhom żmien twil jitkarrbu biex jiltaqgħu ma’ Robert Abela u li baqgħu sal-lum b’xiber imnieħer. Naf ukoll b’ġurnalisti li għamlulu għexieren ta’ talbiet biex jintervistawh u li sal-lum baqgħu jiġu injorati.

Iżda mbagħad lil bejjiegħ ta’ karrozzi sekondaman (dejjem bir-rispett kollu lejn din il-kategorija ta’ persuni) li ma messu qatt ġie fdat, jiftħulu beraħ il-bibien kollha tal-uffiċċju tal-prim ministru u jieħdu r-ritratti miegħu li mbagħad malajr isibu ruħhom imxandrin fil-Facebook. M’għandniex xi ngħidu, ritratti miġbudin bil-ħsieb li jagħtu lit-tbażwir u t-taħwid tiegħu t-timbru tal-kredibilità tal-uffiċċju tal-ogħla uffiċjal tal-gvern.

Għaliex Robert Abela x’aktarx jippretendi li kellu kull dritt li jestendi l-ħiliet legali tiegħu lejn dawn il-ħallelin u frodisti. Nimmaġina li xi ħadd dan ix-xogħol jeħtieġ li jagħmlu u, qabel leħaq prim ministru, Robert Abela ma kellux għalfejn joqgħod jispjega ruħu dwar lil liema klijenti għażel li jbigħ ruħu.

Iżda issa l-istorja hi għal kollox bil-maqlub. F’dak ir-ritratt, Robert Abela ma ħoloqx dubji dwar il-kredibilità personali tiegħu, li hi dik li hi. Iżda ħammeġ isem ir-Repubblika ta’ Malta.

U għaliex hawn bosta li jifmuha li l-prim ministru ma kellux għalfejn iħossu imbarazzat b’dak ir-ritratt, malajr nifhmu r-raġuni l-għala bħala pajjiż komplejna niżżersqu ‘l isfel.