Diversi għejun minn fost il-klabbijiet tal-futbol tal-Premier qaluli li ħaddiema li jaħdmu fl-uffiċċju ta’ Robert Abela qed iċemplulhom biex iwissuhom kontra l-proposta li jinħatar Joseph Muscat biex imexxilhom l-għaqda tagħhom tal-klabbijiet tal-futbol professjonali. Lil dawn il-klabbijiet, ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru qalulhom li jekk huma jagħtu l-appoġġ tagħhom biex Joseph Muscat jinħatar bħala l-president tal-għaqda tagħhom, il-gvern ma kienx biħsiebu jagħtihom l-appoġġ meħtieġ jekk jiġu bżonnu għall-proġetti li għandhom f’moħħhom.
Lil uħud mill-presidenti ta’ dawn il-klabbijiet u lil xi membri tal-kumitati tagħhom qalulhom li jkunu qed “jagħmlu ħsara lill-pajjiż” kemm-il darba Muscat, li kellu jwarrab minn prim ministru wara li ħarġu fil-beraħ diversi skandli u rabtiet mal-pjan biex tiġi assassinata l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jingħata ħatra strateġika fil-qasam tal-isport.
Dawn l-għejun qaluli li ħaddiema li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fakkruhom li Malta għadha kemm tneħħiet mil-Lista l-Griża tal-FATF u r-ritorn ta’ Joseph Muscat fil-ħajja pubblika lokali għandu jwassal biex Malta terġa’ titqiegħed fiċ-ċentru tal-iskrutinju internazzjonali. Il-mexxejja tal-14-il klabb tal-futbol ewlenin f’Malta ġew imwissija li kemm-il darba dawn jiddeċiedu li jqabbdu l-karru tagħhom ma’ dak ta’ Muscat, jistgħu jibqgħu ċerti li l-banek kienu ser iżidu l-għassa fuqhom jew ikollhom jerfgħu.
Sadattant għejun mill-MFA qaluli li l-proposta li jinħatar Joseph Muscat hi waħda ta’ tħassib. Fl-imgħoddi l-MFA kienet ħajret u inkoraġġiet lill-klabbijiet il-kbar sabiex jiffurmaw l-għaqda tagħhom u sabiex jaħtru persuna indipendenti biex tirrappreżentahom. Fil-fatt, l-MFA faħħret id-deċiżjoni li kienet ittieħdet li permezz tagħha tneħħiet il-ħtieġa li l-president ta’ kull klabb imexxi lill-għaqda kull meta jkun imissu, bħala pass ieħor li jwassal għall-professjonaliżmu.
Għejun fl-MFA qaluli li l-proposta li jinħatar Joseph Muscat biex imexxi lil din l-għaqda xejn m’għoġbithom u semmew żewġ raġunijiet.
L-ewwel: l-MFA kienet ħajret lill-klabbijiet li joħolqu l-għaqda tagħhom sabiex tkun tista’ ssir applikazzjoni kollettiva fejn għandhom x’jaqsmu programmi ta’ finanzjament mill-UEFA u sabiex ikun jista’ jsir negozjar dwar drittijiet tax-xandir ma’ għaqdiet żgħar oħrajn tal-futbol. Skont dawn, il-preżenza ta’ Joseph Muscat f’negozjar bħal dan, iwassal biex inaffar lill-parti l-oħra fin-negozju.
Wieħed mill-għejun stqarr miegħi li “aħjar ma jkollna għaqda xejn milli jkollna waħda mmexxija minn Muscat”.
It-tieni: ħaddiema fi ħdan l-MFA jinsabu mħassbin mill-fatt li, bħala president tal-għaqda tal-klabbijiet Joseph Muscat x’aktarx jeżiġi li jsir membru fuq il-kumitat eżekuttiv tal-MFA u li biż-żmien isir il-president tagħha. Skont dawn l-għejun, jekk isseħħ din il-mossa, ir-reputazzjoni ħażina li diġà għandu l-futbol Malti f’dik li hi korruzzjoni tingħata daqqa oħra ‘l isfel.
Joseph Muscat qed iħeġġeġ lin-nies tiegħu sabiex jirreżistu għall-pressjoni ġejja min-nies ta’ Robert Abela biex b’hekk tgħaddi tiegħu u jsir il-president ta’ din l-għaqda tal-klabbijiet tal-futbol professjonali. Dawk li fl-imgħoddi kellhom karigi fil-Partit Laburista u fil-gvern u li kienu wkoll qrib Joseph Muscat meta dan kien prim ministru, qed iċemplu lill-mexxejja ta’ dawn il-klabbijiet biex jagħmlu pressjoni fuqhom. Bosta minn dawk li qed jagħmlu dawn it-telefonati kienu tneħħew mill-kariga li kellhom minn Robert Abela wara li dan leħaq prim ministru.
Il-preżenza ta’ dawn il-qaddejja tindika li Joseph Muscat biħsiebu jinvolvi fil-futbol Malti lil uħud minn dawk li kienu mdaħħla fl-agħar skandli ta’ korruzzjoni li qatt rat Malta fl-istorja tagħha.
Il-proposta li jinħatar Joseph Muscat għamluha l-president tal-għaqda Robert Micallef, li hu wkoll il-president ta’ Santa Luċija FC u Jesmond Abela, li jsibuh bħala “il-Ħaċċ” u huwa wkoll membru tal-kumitat tal-Hibernians ta’ Raħal Ġdid.
Jingħad li Micallef u Abela xejn ma kienu ċari dwar l-intenzjonijiet li għandu Joseph Muscat għall-għaqda tagħhom u stqarrew biss li l-kwalitajiet li għandu Joseph Muscat huma “dawk li huma meħtieġa bħalissa għall-futbol Malti.”
Għalkemm kien hemm min semma’ l-possibilità li, mal-ħatra ta’ Joseph Muscat, il-klabbijiet jistgħu jgawdu minn finanzjament ġdid, ma saru ebda proposti konkreti. Madankollu, dawk li qed jappoġġjaw il-ħatra ta’ Joseph Muscat qed jgħidu li dan ser jipproponi li jxolji l-għaqda u jikkonvertiha f’kumpannija. Mhuwiex ċar x’inhu l-ħsieb wara din il-proposta.
Din in-nuqqas ta’ kjarezza dwar l-intenzjonijiet li għandu Joseph Muscat wasslet għal spekulazzjonijiet dwar il-ħsibijiet veri li jista’ għandu f’moħħu. Wieħed mill-għejun qalli li skont xi wħud mdaħħlin fil-qasam tal-futbol, ir-ritorn fix-xena ta’ Joseph Muscat jista’ għandu rabta mal-Izibet li dan l-aħħar rebħet konċessjoni monopolistika f’dawk li huma lotteriji.
Bis-saħħa ta’ bidliet fir-regolamenti, il-banek tal-lottu issa jistgħu jibdew jirċievu l-imħatri dwar logħbiet tal-futbol f’Malta.
Dawn l-għejun qaluli li sid l-Izibet huwa ċertu Johann Schembri – bniedem li hu “qrib ħafna” ta’ Joseph Muscat. S’issa għadni ma rnexxilix insir naf aktar dwar xi kwalità ta’ relazzjoni teżisti bejniethom.
Dakinhar li isem Joseph Muscat issemma’ l-ewwel darba f’laqgħa tal-klabbijiet, kienu preżenti 13 mill-14-il president. Tnejn minnhom, jiġifieri l-presidenti ta’ Santa Luċija u tal-Hibernians, wrew li kienu jaqblu b’saħħa mal-ħatra ta’ Joseph Muscat. Tnejn oħra, jiġifieri l-presidenti tal-Gudja u tal-Valletta, wrew riżervi. X’ser jiddeċiedu l-10 presidenti l-oħra mhux magħruf. Lill-klabbijiet, in-nies ta’ Joseph Muscat qalulhom li huwa qed jistenna li jingħata l-appoġġ massiċċ tagħhom u li maġġoranza sempliċi mhix biżżejjed.
Madankollu, skont kif qalli membru ta’ kumitat li mhuwiex president, jidher li l-ħatra ta’ Joseph Muscat mhi ċerta xejn, aktar u aktar jekk jittieħed vot sigriet.
L-istatut tal-għaqda ma jsemmix it-teħid ta’ vot sigriet iżda lanqas ma jgħid li vot bħal dan ma jistax jittieħed.
L-għejun tiegħi qaluli li minħabba l-pressjoni li qed issir fuq il-klabbijiet minn nies ta’ Robert Abela u minn dawk ta’ Joseph Muscat, vot sigriet biss jista’ jwassal biex tkun magħrufa r-rieda vera rieda tal-presidenti tal-klabbijiet.