Agħtu daqqa t’għajn lejn l-editorjal tal-lum tal-Malta Today li stqarr li l-kwistjoni tat-tbagħbis fl-arloġġi tal-karrozzi sekondaman ma tikkonċernax biss it-tbagħbis li twettaq mill-bejjiegħa ta’ dawn il-karrozzi. It-tbagħbis jista’ jiġi evitat u l-uffiċjali pubbliċi jistgħu jevitawh kemm-il darba jkun hemm kontrolli serji fil-port u kontrolli oħrajn hekk kif ser ikunu reġistrati karrozzi sekondaman mar-regolatur.
Tbagħbis bħal dan ma jseħħx f’Malta biss. Jingħad li, fil-Ġermanja biss, karrozza minn kull għaxra jsirilha tbagħbis fl-arloġġ li jkejjel il-kilometri.
M’għandniex xi ngħidu, l-editur tal-Malta Today għandu raġun. Qabel karrozzi impurtati li jkunu sekondaman jaslu Malta, jistgħu jsiru aktar kontrolli u d-databases jistgħu jkunu mgħarbla b’aktar reqqa mill-awtorità li tkun irreġistrathom. U l-fatt li l-awtoritajiet jidher xejn ma wrew ħeġġa biex isibu tarf tal-problema ifisser li hemm xamma jew suspett ta’ korruzzjoni.
Biex ħadma bħal din setgħet timxi ħarir u bla skossi, il-bejjiegħa ta’ dawn il-karrozzi li wettqu t-tbagħbis bilfors kellhom fiduċja sħiħa li ma kinux ser jinqabdu. U biex setgħet tirnexxi din il-ħadma, kien jeħtieġ li l-uffiċjali jingħataw inċentiv biex jagħlqu għajnejhom fejn kien ikun meħtieġ li jiftħuhom beraħ.
Transport Malta għandha problema f’ħoġorha mhux minħabba xi dgħjufija tan-nies li jaħdmu fi ħdanha. Transport Malta tirċievi numru kbir ta’ ħlasijiet u twettaq kontrolli regolatorji. Xi drabi tittratta direttament mal-pubbliku in ġenerali u xi drabi oħra tagħmel dan permezz tal-aġenti f’isem il-pubbliku.
Din is-sitwazzjoni mhi xejn ħlief għalqa għammiela għall-korruzzjoni. Fl-imgħoddi kienu seħħew każi ta’ tbagħbis. Kien sar tbagħbis fil-ħruġ tal-liċenzji tat-tbaħħir lil persuni li ma kinux għaddew mill-eżami kif ukoll tbagħbis fil-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan lil dawk li ma kellhomx il-kwalifiki neċessarji.
Fejn jidħlu l-flus u n-nies, it-tentazzjonijiet jafu jinfirxu dejjem aktar. Iżda meta ma’ dawn iżżid l-opportunitajiet, il-korruzzjoni tkun qed tistedinha.
Min ikun qed imexxi dawn l-entitajiet għandu fuq spallejh ir-responsabbiltà li jara li jseħħu kontrolli serji internament, li jsiru audits, verifiki u investigazzjonijiet esterni regolari biex b’hekk ma jkun hemm qatt xi nuqqas ta’ ħeġġa li tista’ twassal għall-korruzzjoni.
Min ikun f’pożizzjoni ta’ tmexxija għandu dejjem jassumi li l-korruzzjoni ser tibqa’ sseħħ sakemm tinkixef. Hi tmexxija irresponsabbli (jew korrotta) dik li tiċċaqlaq biss wara li tinkixef il-korruzzjoni.
Il-Malta Today semmiet b’isimhom lil dawk il-bejjiegħa li allegatament bagħbsu l-arloġġi u serqu lix-xerrejja tagħhom. L-editur imbagħad kellu raġun jikteb li x’aktarx kien hemm responsabbiltà għal dan it-tbagħbis min-naħa tal-awtoritajiet li naqsu li jipproteġu biżżejjed lix-xerrejja ta’ dawn il-karrozzi sekondaman.
Jien ngħid li hemm ukoll il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi naqsu li jwettqu kontrolli serji internament. Li kieku saru dawn il-kontrolli, dawn l-awtoritjiet kienu jsiru jafu min minn fost l-impjegati ma kienx qed jaqdi dmiru sewwa u spiċċa biex ixxaħħam. Ma kienx messhom qagħdu jistennew biex jinkixef skandlu bħal dan, biex issa bħal donnu tathom rashom.
Hemm ukoll ċertu skiet li jtarrax ta’ awtoritajiet oħrajn. it-Times of Malta, li wkoll tkellmet dwar din il-kwistjoni, qed tgħid li “bagħtet mistoqsijiet lill-Ministeru tat-Trasport, lil Transport Malta u lill-Malta Competition and Consumer Affairs Authority iżda li s’issa ma rċeviet ebda tweġiba”.
Is-skiet min-naħa tal-awtorità dwar affarijiet tal-konsumatur huwa wieħed li jħasseb. Għalkemm għad irid jiġi stabilit kienx hemm uffiċjali tat-Transport Malta u tad-dwana mdaħħlin ukoll f’din il-kwistjoni, m’hemmx dubju li hemm numru ta’ persuni li nsterqu ħajjin mill-bejjiegħa.
Dan il-każ huwa wieħed dwar difetti moħbija. Dawk li jimpurtaw prodotti maħdumin barra mill-Ewropa huma kunsidrati responsabbli għad-danni kaġunati minn difett fil-prodott. U l-vittmi – jiġifieri x-xerrejja tal-karrozzi li jkunu ngidmu – jkunu jeħtieġu biss jippruvaw li seħħew id-danni, li jeżisti d-difett u l-fatt li kien dan id-difett li wassal għad-danni. Il-vittmi mhumiex meħtieġa jippruvaw li d-danni u d-difett seħħew tort tal-importatur.
Difett ifisser anqas sigurtà għax-xerrej. F’dan il-każ, il-karrozzi ġew reklamati bħala karrozzi li, pereżemju, kellhom mhux aktar minn “20,000 mil” meta fil-fatt kellhom aktar minn “120,000 mil”. Dan il-fatt biss iwassal għal anqas sigurtà.
Iżda l-liġi għandha l-limiti tagħha. Id-danni li jistgħu jirbħu l-vittmi tat-tbagħbis huma limitati għall-mewt jew korriment li jistgħu jiġu kaġunati minħabba d-difett fil-vettura. U dan huwa ta’ żvantaġġ għall-ħafna mill-vittmi tat-tbagħbis.
L-ambigwità fil-liġijiet ma teżistix f’Malta biss. Fil-Ġermanja, il-vittmi tat-tbagħbis fl-arloġġi jkunu meħtieġa li jippruvaw li l-arloġġ ġie mbagħbas u li l-bejjiegħ kellu l-intenzjoni li jidħak bihom.
Fi Franza din l-ambigwità ma teżistix. Jekk ikollok il-ħila tipprova li l-kejl reali tal-arloġġ ma jaqbilx ma’ dak dikjarat fil-kuntratt tal-bejgħ, tkun tista’ tikkanċella l-kuntratt minħabba difett moħbi.
Bħalissa l-awtorità dwar il-konsumaturi jmissha qed tiggwida lil dawn il-vittmi u tgħaddilhom informazzjoni dwar x’inhuma d-drittijiet tagħhom. Dawn ser ikollhom iħarrku lill-bejjiegħa wieħed wieħed? Jekk dan huwa l-każ, quddiem liema awtorità jkunu jistgħu jħarrkuhom? Xi ħlas ta’ danni jkunu jistgħu jitolbu?
L-awtoritajiet m’għandhomx ifarfru fuq l-avukati tal-vittmi. L-istat huwa fid-dmir li jħares id-drittijiet tal-konsumaturi aktar u aktar meta jkun l-istat stess li jkun naqas li jevita t-tbagħbis.
Ħa naraw humiex ser jistenbħu.