Titnikket int u taqra r-rapport li xxandar illum fil-Malta Today dwar il-kawża li qed tmexxi l-prosekuzzjoni kontra l-Pilatus Bank u kontra waħda mill-impjegati għoljin li kellu. Jidher li l-Maġistrat issa waslet biex titlef is-sabar. Donatella Frendo Dimech wissiet lill-prosekuturi biex “ma jidfnux il-każ” u stqarret li l-provi li tressqu s’issa “mhumiex rilevanti”. Kliem bħal dan ma tantx iqawwi l-qlub, s’intendi, sakemm ma tkunx is-sid ta’ dak li kien il-Pilatus Bank u qed tħejji xi kawża warrab wiċċek kontra l-istat Malti.

Mingħajr ma jkolli għalfejn noqgħod nissimpatizza ma’ Claude-Ann Sant Fournier – dik li kienet uffiċjal għoli ta’ kontra l-ħasil tal-flus – li waħedha ġiet imħarrka, jingħad inġustament, minn prosekuzzjoni kajmana li x’aktarx hi irrilevanti, ma nistax ma naqbilx mal-argument li ġabet id-difiża fis-sens li lil din il-bniedma qabdu magħha inġustament.

Jekk Sant Fournier tassew taħti għal dak li seħħ fil-Pilatus Bank (kif qed tallega l-prosekuzzjoni fil-qorti) ma jistax ikun li hi kienet l-unika bniedma responsabbli. Din ma kinitx sidt il-Bank. Lill-Bank ma kinitx qed tmexxih hi. Ma kinitx tfittex lill-klijenti u tħaddmilhom flushom. Hemm oħrajn li kienu responsabbli għal dan kollu u ħadd minnhom ma ġie mħarrek. Ħatja kemm tista’ tkun ħatja din il-mara, il-liġijiet għandhom dejjem jgħoddu għal kulħadd l-istess.

Illum Robert Aquilina ta’ Repubblika reġa’ tfaċċa fil-bini tal-Qorti ftit jiem wara li sfida lill-kummissarju tal-pulizija biex iressaq lis-sid u lid-diretturi tal-bank fil-qorti. Il-kumissarju Angelo Gafà wieġeb fis-sens li hu biss għandu d-diskrezzjoni li jiddeċiedi dwar min għandu jiġi mħarrek u li Repubblika m’għandhiex dritt tindaħal fejn ma jesagħhiex. Il-qorti trid tiddeċiedi jeżistux raġunijiet għal din l-isfida u ser tisma’ l-provi lejn tmiem Ottubru.

Ħwejjeġ li bilkemm jitwemmnu: sfida fil-qorti dwar in-nuqqas ta’ azzjoni fil-ħin min-naħa tal-Pulizija u l-qorti ser iddum tliet xhur sħaħ biex tara jekk hemmx bażi legali għal din l-isfida!

Robert Aquilina llum ipprova jġiegħel lill-Avukat Ġenerali tiċċaqlaq. Kif spjegajt f’ċertu dettal fl-artiklu tiegħi mxandar fis-Sunday Times of Malta, ma nafx kemm ser jirnexxilu. Il-liġijiet tagħna tfasslu b’mod li jillimitaw il-possibilità li l-Avukat Ġenerali jiġi mġiegħel jieħu passi fil-qorti. Iżda aħna ser nippruvaw inġegħluha tiċċaqlaq bil-mezzi kollha li tagħtina l-liġi.

Saqajna jeħtieġ li nżommuhom mal-art. Jista’ jagħti l-każ li l-Avukat Ġenerali tagħżel li tiċċaqlaq iżda wieħed ma jista’ qatt iserraħ rasu li xogħolha ser tagħmlu sewwa u kif suppost. Il-prosekuzzjoni fqira li qed issir fil-każ tal-Pilatus Bank mhix isservi biex tqawwilna qalbna.

Fil-qorti, l-avukati difensuri tal-Bank u tal-uffiċjal ewlieni tiegħu jidher li kixfu vavata min-naħa tal-Avukat Ġenerali li saret bil-għan jiġu evitati l-obbligi tad-disclosure meta din tal-aħħar ippreżentat quddiem il-Maġistrat patafjun ta’ dokumenti li huma irrilevanti.

Ali Sadr Hasheminejad, wara li kien instab ħati ta’ frodi bankarja minn qorti fi New York, ftit wara rnexxielu jgħaddiha lixxa minħabba nuqqasijiet tal-prosekuzzjoni f’dik li hi disclosure. Tgħid dan il-bniedem għandu xorti li hi daqshekk tajba li jsib ma’ wiċċu prosekuturi li jkollhom f’idejhom il-provi kollha meħtieġa biex isallbuh iżda mbagħad ifallu minħabba xi teknikalità?

Illum fil-qorti l-avukati tad-difiża lmentaw mill-fatt li s-segretezza kollha li qed tinżamm fil-każ qed isservi ta’ żvantaġġ għall-klijenti tagħhom. Dawn l-avukati qed jaqdu d-dmir tagħhom u dak huwa xogħolhom. Iżda ma tistax ma tinkwetax meta tisma’ lill-maġistrat tilmenta mill-mod kif qed tittratta magħha l-prosekuzzjoni.

Skont ir-rapport li xxandar mill-Malta Today tal-lum, il-maġistrat stqarret li “fl-awla tiegħi ma niħux pjaċir nisma’ lil min jipprova jiddefendi dak li huwa indifensibbli”. Hawn ma kinitx qed tirreferi għall-avukati tad-difiża iżda għall-uffiċjali tal-prosekuzzjoni.

Dak li kien id-dekan tal-fakultà tal-liġi, Kevin Aquilina stqarr li ebda avukat ġenerali m’għandu jitkeċċa mill-Parlament għax hekk qed tgħid li għandu jseħħ xi NGO. Jekk iseħħ dan, tkun qed tinkiser is-saltna tad-dritt għaliex, wara kollox, l-istess saltna tad-dritt teħtieġ li jkollha prosekutur indipendenti li jitħalla jaħdem kif suppost. Is-saltna tad-dritt ma tistax taħdem bi prosekutur li jkun jista’ jitkeċċa biss b’daqqa ta’ pinna.

Dan kollu huwa minnu. Dejjem għandu jkun hemm proċess. Kevin Aquilina jgħid li ġudikanti rtirati u l-predeċessuri ta’ Victoria Buttigieg għandhom jitqabbdu biex imexxu inkjesta bil-għan li jiġu stabbiliti l-fatti dwar l-operat ta’ Victoria Buttigieg qabel jinġibdu konklużjonijiet li jistgħu jkunu s-sisien ta’ deċiżjoni parlamentari dwar it-tkeċċija tagħha mill-kariga.

M’hemmx dubju li m’aħniex ser naslu s’hawn. Dan għaliex wieħed jeħtieġ jammetti li s-sistema politika tagħna qatt ma wasslet biex ikun hemm qbil li titkeċċa persuna li tkun qed tgawdi mis-security of tenure, aħseb u ara kemm ser ikun hemm qbil dwar it-tkeċċija ta’ uffiċjal bħal Victoria Buttigieg li hi persuna utli għal min għandu kull interess li jara li l-verità kollha dwar il-Pilatus Bank tibqa’ mistura.

Jekk din ser tibqa’ tinjora s-sejħiet li saru biex twarrab mill-kariga, inkjesta indipendenti minn esperti fil-materja biss li tasal għall-konklużjoni wara analiżi oġġettiva li mhix persuna kompetenti tista’ mbagħad twassalha biex iddabbar rasha.

Jekk dan jista’ jsir, jeħtieġ li jsir u dan biex il-pajjiż ma jibqax jegħreq billi lill-kriminali jippermettilhom jgħadduha lixxa bis-saħħa ta’ prosekuzzjonijiet imnejkin, ta’ dewmien mhux ġustifikat u ta’ preskrizzjonijiet.

Naqbel li l-kriżi tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna ma nistgħux insibu tarfha billi naqtgħu għad-dritt u billi niksru aktar liġijiet. Lanqas ser negħlbuha billi noqogħdu b’idejna fuq żaqqna jew billi nagħmlu bħal dak li qed iseħħ bħalissa fil-qorti f’kawża kontra bank li issa ilu li ngħalaq.