Agħtu daqqa t’għajn lejn it-titlu tar-rapport tat-TVM dwar l-azzjoni li ħadu tal-Graffitti ħadu f’Kemmuna fi tmiem il-ġimgħa. “Il-Blue Lagoon ħielsa mill-umbrelel u d-deckchairs”.
Min ħelisha mill-umbrelel u mid-deckchairs? Għaliex kien hemm il-ħtieġa li teħles minnhom? Għada ser tibqa’ ħielsa minnhom ukoll?
Dan it-titlu mhux biss hu wirja ta’ ġurnaliżmu inkompetenti. Huwa wkoll wirja ta’ qerq. Skont studju mniedi minn xjentisti tal-kompjuter tal-Università ta’ Kolumbja, minn kull 5 persuni li jaqraw it-titlu ta’ artiklu, 1 biss ikun qara l-kontenut tiegħu. U x’aktarx ma jkunux qed jgħidu l-verità.
59% tal-links li jitqassmu fil-mezzi soċjali lanqas biss jinqraw. Dan ifisser li min jaqsam kitba ma’ oħrajn ikun qara biss it-titlu.
TVM hawn qed iġib ruħu bħad-Daily Star. Jafu li bosta huma dawk li m’għandhomx interess li jirċievu informazzjoni – ikunu jridu biss jisimgħu aħbar li tikkonferma l-fehmiet tagħhom.
Dan huwa l-mod li tat-TVM rrappurtaw l-azzjoni li ħadu tal-Graffitti. Azzjoni li kixfet n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-gvern fil-konfront ta’ min qed jabbuża mix-xtajtiet tagħna. Rapport li ma ta ebda krettu lill-kuraġġ ta’ 50 attivist żagħżugħ u li ma imbarazza ebda politiku.
Bħallikieku kienet il-Blue Lagoon stess ħelset lilha nnifisha mill-umbrelel u mid-deckchairs!
Ġabu ritratt sabiħ tal-Blue Lagoon u kulħadd kuntent u ferħan.
Propaganda taċ-ċekċik. Gidba ħoxna.
Iżda l-verità hi li dan il-qerq kollu ta’ sikwit iħalli effett fl-imħuħ.