S’hawn kollox sew. Stqarrija bħal din saret biex ma jkunx hemm xi ħadd li jfettillu jgħid li l-Pulizija ser tagħmel xi tibjida billi tinvestiga lilha nnifisha. Wara kollox, ser imexxi investigazzjoni Imħallef irtirat li jkun mistenni minnu li jagħmel dak kollu li huwa meħtieġ sabiex toħroġ il-verità kollha.
L-Imħallef irtirat hu Franco Depasquale. Mhux ser nidħol fil-mertu dwar l-integrità personali jew tal-kompetenza tiegħu. Għandux jew le l-għerf ta’ Salamun, mhix kwistjoni rilevanti.
Il-verità hi li l-ħidma tiegħu ser tkun imxekkla mil-limitazzjonijiet tal-liġi stess.
L-Imħallef Franco Depasquale ma talbuhx imexxi inkjesta. Kulma għamlu hu li l-kwistjoni għaddewha lill-“Bord Indipendenti tal-Ilmenti tal-Pulizija” li issa huwa mmexxi mill-Imħallef Franco Depasquale.
Il-liġi tgħidilna x’jista’ jagħmel u dak li ma jistax jagħmel il-Bord Indipendenti tal-Ilmenti tal-Pulizja. Dan il-Bord għandu s-setgħa li “jistaqsi u jirrapporta dwar l-imġiba tal-Korp,” u minnu nnifsu, dan huwa tajjeb.
Iżda l-Bord m’għandux is-setgħa “li jispezzjona jew jitlob li jara kull dokument li jkun eżentat”. Se nġib xi ftit eżempji dwar kif ikunu d-dokumenti eżentati li l-Bord m’għandux is-setgħa li jara u jispezzjona biex nuri kif il-proċess kollu li ser jitnieda huwa wieħed għalkollox irrilevanti.
Il-Bord m’għandux is-setgħa li jispezzjona kull dokument li “raġjonevolment jista’ jwettaq ħsara lir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta.” Quddiemna hemm allegazzjoni li l-Pulizija Maltija ppruvat timmina lill-Pulizija Ġermaniża u li tipproteġi bniedem maħrub imfittex mill-awtoritajiet fiskali tal-Ġermanja. Jekk ifeġġu xi provi li jistgħu jikkonfermaw dan kollu, dan huwa mistenni li jikkawża ħsara lir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta.
Dan ifisser ukoll li l-Bord mhux ser ikollu s-setgħa li jara kull dokument b’xi mod “jista’ jikxef informazzjoni li tkun ingħatat b’mod kunfidenzjali minn … xi gvern barrani.” Il-Bord lanqas biss jista’ legalment ikollu f’idejh il-mandat ta’ arrest maħruġ mill-awtoritjiet Ġermaniżi li jinsab fiċ-ċentru ta’ din il-kwistjoni.
Il-Bord mhux ser jitħalla jeżamina kull dokument li jista’ “jippreġudika t-tmexxija ta’ investigazzjoni dwar ksur jew allegat ksur tal-liġijiet”. Din il-kwistjoni seħħet fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tinsab għaddejja. Wara li kienet semgħet li Iosif Galea kien inżamm mit-Taljani, il-Pulizija Maltija ħarġet kontrih mandat ta’ arrest Ewropew għaliex qalet li lil Galea riditu f’Malta. Jidher li l-Pulizija Maltija ħarġet dan il-mandat ta’ arrest f’attentat iddisprat biex tħares lil sieħeb Joseph Muscat minn arrest u prosekuzzjoni fil-Ġermanja. Il-Bord mhux ser ikollu s-setgħa li jikkonferma jekk l-awtoritijiet Maltin kinux tassew qed jinvestigaw lil Iosif Galea.
Il-Bord mhux ser jitħalla jeżamina kull dokument li jkun jista’ “jippreġudika s-smigħ xieraq ta’ persuna”. Dan huwa ġust għaliex fil-prinċipju kulħadd ħaqqu li jingħata smigħ xieraq. Iżda dan il-prinċipju m’għandux jinġieb bi skuża biex lill-Bord iċċaħħdu minn kull informazzjoni li jkun jeħtieġ biex ikun jista’ jifhem aħjar l-għala Iosif Galea tħalla jsiefer bil-libertà kollha.
Fi kliem aktar sempliċi, l-iskużi kollha li jista’ jġib il-gvern biex ma jweġibx għall-mistoqsijiet li jistgħu jagħmlulu l-membri tal-istampa taħt il-Freedom of Information Act jgħoddu wkoll b’mod mandatarju għall-hekk imsejjaħ Independent Police Complaints Board. Dawn ma jistgħux isiru jafu b’affarijiet li ma jistax isir jaf bihom bniedem ordinarju.
Li kieku ried, il-gvern seta’ ħatar lill-Imħallef Franco Depasquale biex imexxi inkjesta taħt l-Att dwar l-Inkjesti. Minflok, ħatru biex imexxi Bord li jaqa’ taħt il-liġijiet tal-Pulizija. Li kieku l-gvern ħatar lill-Imħallef biex imexxi inkjesta, dan kien ikollu s-setgħa li “jinvestiga l-imġiba ta’ uffiċjali pubbliċi jew ta’ uffiċjali ta’ entitajiet statutorji” (u m’hemmx eżenzjonijiet għall-Pulizija). U Imħallef ta’ inkjesta għandu s-setgħa li jeżamina dokumenti li l-Bord Indipendenti tal-Ilmenti tal-Pulizija m’għandux is-setgħa li jeżaminahom.
M’għandniex xi ngħidu, l-Bord xorta waħda jkun jeħtieġ li jirrispetta d-dritt ta’ smigħ xieraq ta’ kulħadd u meta jiġi biex ilesti r-rapport tiegħu, ikun jeħtieġ li jeżamina sewwa l-provi kollha.
Li kieku l-gvern irid tassew jifhem il-għala Iosif Galea – sieħeb Joseph Muscat – tħalla jsiefer mill-Pulizija minkejja l-eżistenza ta’ mandat Ewropew ta’ arrest kontra tiegħu, kien messu ħatar bord ta’ inkjesta taħt l-Att dwar l-Inkjesti. Iżda għandi dubji serji kemm il-gvern għandu r-rieda li jifhem eżatt x’ġara’.
Sadattant fuq il-Bord imisshom iħallu lill-eks Kummissarju Michael Cassar. Min jaf? Jistgħu wara kollox jitħajru jitolbuh jinvestiga kwistjonijiet li kienu seħħew fi żmienu.