Il-Prim Ministru Robert Abela kiser l-impenn pubbliku li kien għamel li jxandar ir-rakkomandazzjonijet tal-esperti li ħatar biex jagħtuh pariri dwar il-modi kif tista’ tissaħħaħ il-libertà tal-istampa u jiġu mħarsa l-ġurnalisti. Skont stqarrija li xxandret f’Jannar li għadda, il-gvern wiegħed li jxandar ir-rakkomandazzjonijiet tal-esperti fi żmien għaxart ijiem minn dakinhar li jkun irċeviehom, iżda Robert Abela dawn ir-rakkomandazzjonijiet baqa’ ma xandarhomx minkejja li ilhom kważi 6 ġimgħat li twasslulu.
Il-grupp ta’ esperti mmexxijin mill-Imħallef Michael Mallia li mexxa l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien inħatar biex jagħti pariri lill-gvern dwar riformi li jeħtieġ isiru fil-liġijiet Maltin u fil-proċeduri u dan wara tagħlimiet iebsin li l-pajjiż suppost kien tgħallem mill-assassinju ta’ Daphne.
17-il jum ieħor tkun għaddiet sena mill-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Mar-rakkomandazzjonijiet li xxandru sena ilu hemm suġġeriment li “meqjus dak kollu li rriżulta minn din l-Inkjesta, il-Bord hu tal-fehma li l-Istat jeżamina fil-fond l-istat tal-ġurnaliżmu u eżerċizzju tal-jedd fondamentali tal-libertà tal-espressjoni bil-għan li r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Bord, fost oħrajn, jiġu implimentati f’qafas ħolistiku u organiku immirat ukoll biex il- professjoni tal-ġurnalisti tingħata rikonoxximent li jistħoqqilha u jingħata valur li x-xogħol li jagħmlu fl-interess tad-demokrazija. Eżerċizzju dan li jista’ jimporta emendi fil-Kostituzzjoni u fil-Liġijiet, immirati wkoll biex jassiguraw protezzjoni adegwata u sostenn lill-professjoni.
Fil-fehma tal-Bord dan l-eżerċizzju jista’ jiġi fdat f’idejn kumitat ta’ esperti kompost minn akkademiċi, esperti fil-liġi tal-media, ġurnalisti u sidien ta’ Media Houses.”
Skont dawn ir-rakkomandazzjonijiet “dan l-istudju li għandu jwassal biex isiru rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jitqiegħdu għal konsiderazzjoni tal-Parlament fi żmien qasir li jiġi stabbilit. Il-Bord jidhirlu illi jkun xieraq li proċedura bħal din tiġi inizjata taħt l-awspiċi tal-Eċċellenza Tieghu l-President ta’ Malta anke bħala parti tal-estensjoni ta’ proġett tal-Presidenza għar-riforma tal-Kostituzzjoni u biex tiġi assigurata l-governanza tajba u s-saltna tad-dritt.”
Mid-29 ta’ Lulju 2021 sa tmiem dik is-sena ma smajna xejn mill-gvern dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta. Tant li l-Oppożizzjoni tilfet is-sabar tistenna lill-gvern li jiċċaqlaq u xandret sensiela ta’ abbozzi ta’ liġijiet bil-għan li jiġu implimentati l-miżuri li kienu ġew rakkomandati mill-membri tal-bord tal-inkjesta.
Kif kien mistenni, il-gvern ivvota kontra dawn l-abbozzi tal-Oppożizzjoni iżda mbagħad fil-11 ta’ Jannar 2022 ħabbar li kien ser jaħtar kumitat ta’ esperti “sabiex ir-rakkomandazzjonijiet (tal-inkjesta) jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun”. Barra mill-Imħallef Mallia, il-kumitat huwa magħmul mill-ġurnalisti Matthew Xuereb, Kurt Sansone u Neil Camilleri, mill-akkademiċi Carmen Sammut u Saviour Formosa, mill-avukat Kevin Dingli u minn Saviour Balzan, wieħed mis-sidien tal-Malta Today.
Dak iż-żmien il-gvern kien stqarr li “r-rakkomandazzjonijiet (tal-grupp ta’ esperti) ser jiġu mgħoddija lill-prim ministru li jkun marbut li jippreżentahom fil-Parlament fi żmien għaxart ijiem.”
Il-Kumitat tal-Esperti kellhom imbagħad jgħaddu r-reazzjonijiet tagħhom għall-abbozzi tal-liġijiet imħejjija mill-gvern fi żmien xahrejn, jiġifieri sa nofs Marzu 2022.
Qabel għadda dan iż-żmien li ġie mogħti, Repubblika, Daphne Caruana Galizia Foundation, SOS Malta u PEN Malta flimkien għamlu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar il-mod kif jistgħu jintlaħqu l-miri li ssemmew mill-Imħallfin tal-inkjesta. Sal-lum, jiġifieri wara li diġà għaddew 4 xhur, il-gvern għadu ma tkellem xejn dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Ninsab infurmat li kmieni x-xahar li għadda, il-Kumitat temm ix-xogħol li kellu jwettaq. Ir-rapport tal-Grupp ta’ Esperti ilu kważi 6 ġimgħat f’idejn il-Prim Ministru. Iżda jidher li kiser l-impenn li kien għamel li jxandar ir-rakkomandazzjonijiet fi żmien għaxart ijiem.