Dan li ġej huwa sunt tar-rakkomandazzjonijiet li segwew il-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li xxandru sena ilu. Il-kolonna tax-xellug tikkwota estratti tar-rakkomandazzjonijiet imħejjija u mxandrin bl-Ingliż mid-Daphne Caruana Galizia Foundation.

Fin-nofs jidher is-simbolu “traffic light” li jindika l-istat tat-twettiq ta’ kull proposta: il-kulur aħdar ifisser li l-proposta twettqet, il-kulur isfar ifisser li l-proposta twettqet parzjalment u l-kulur aħmar ifisser li l-proposta baqgħet ma twettqitx. Tista’ tgħid li kważi r-rakkomandazzjonijiet kollha għandhom il-kulur aħmar u ebda wieħed minnhom m’għandu l-aħdar. Fil-kolonna fuq in-naħa tal-lemin hemm spjegazzjoni fil-qosor ta’ dak kollu li seħħ minn dakinhar li xxandret il-proposta. Dan mhuwiex analiżi jew kummentarju sħiħ iżda sunt li jgħin lil dak li jkun iqiegħed kollox fil-kuntest tiegħu u dan bil-għan li tissokta d-diskussjoni.

Hawn tista’ ssib il-verżjoni oriġinali tal-inkjesta.

1.  Il-Pulizija…….għandhom jissoktaw bl-investigazzjonijiet
tagħhom biex jidentifikaw il-persuni kollha b’xi mod involuti fl-assassinju u jassiguraw li kollha jirrispondu għal għemilhom quddiem il-Qrati. 
Ir-rapport tal-inkjesta xxandar wara li tressqu l-qorti l-aħwa tal-Maksar u Jamie Vella. Minn dakinhar ‘l hawn ma tressaq ħadd aktar. Fiż-żmien li kienu ġew arrestati l-aħwa tal-Maksar, il-kummissarju Anġlu Gafà stqarr li “kull persuna involuta – il-moħħ u l-kompliċi, jinsabu taħt arrest u mixlija fil-qorti.” Din l-istqarrija hemm min fehemha li l-investigazzjonijiet waqfu. Madankollu fi Frar li għadda l-prosekutur Philip Galea Farrugia stqarr fil-qorti li “x’aktarx hemm persuni oħrajn imdaħħla fil-qtil (ta’ Daphne).” Mhuwiex ċar jekk dan fisser li l-pulizija għadha qed tipprova ssibhom.

 

2.  Il-Bord jagħmel tiegħu r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni
Venezja, il-Kummissjoni Greco u mil-“legal affairs committee” tal-Parlament Ewropew biex isaħħaħ il-governanza tajba

Twettqu ftit wisq mir-rakkomandazzjonijiet li ressqu dawn l-aġenziji u kważi lkoll tgħawġu b’mod li jmur lil hinn mill-iskop oriġinali li għalihom saru. Ir-rakkomandazzjonijiet dwar riformi fl-uffiċċju tal-President, dwar it-tisħiħ tal-Parlament, dwar it-tisħiħ tal-indipendenza tal-ġudikatura fit-tribunali amministrattivi u dwar it-tnedija ta’ proċess ta’ riformi kostituzzjonali baqgħu lkoll fuq l-ixkaffa jiġmgħu it-trab. Twettqu tnejn biss mit-23 rakkomandazzjoni mressqa mill- GRECO. F’Mejju 2022 il-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew baqa’ mħasseb aktar minn qatt qabel dwar il-ġustizzja għal Daphne, dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u dwar it-tħaddim tal-ġustizzja f’Malta. Ma’ dawn l-aġenziji issa ngħaqdet l-OSCE fit-tħassib dwar il-kundizzjonijiet għall-ġurnalisti.

 

3.  Emendi fil-liġijiet li jistgħu jgħinu mhux ftit biex
jikkontrastaw il-mentalità li wieħed jista’ jevadi liġijiet u anke jwettaq ċerti
delitti serji għaliex ikun f’pożizzjoni ta’ poter, politiku jew ekonomiku jew
għax ikun parti minn organizzazzjoni kriminali protetta minn dan il-poter.
F’dan ir-rigward hu essenzjali li l-liġijiet jipprovdu li l-politika ta’ sanzjonar ta’
irregolaritajiet u illegalitajiet tkun ridotta għall-minimu u każijiet eċċezzjonali.
Min jikser il-liġi għandu jsofri l-konsegwenzi tal-għemil tiegħu, m’għandux
ikollu l-aspettattiva li bil-flus jissana dak li bil-liġi ma kellux dritt għalih. Hija din il-mentalità prevalenti fis-soċjetà li ssaħħaħ l-arroganza ta’ min għandu poter politiku u ekonomiku. Hi ż-żerriegħa li tnibbet il-korruzzjoni 
Bl-emendi għal-liġijiet jew mingħajrhom, l-impunità baqgħet tirrenja. Minkejja l-provi li rriżultaw mill-Panama Papers u mill-investigazzjonijiet li kienet għamlet Daphne, ħadd ma tressaq il-qorti. Komplew l-inkjesti dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet, dwar il-kuntratt tal-Electrogas, dwar l-imtieħen tar-riħ tal-Montenegro, dwar 17 Black u oħrajn fl-assenza ta’ xi ċaqliq minn naħa tal-pulizija. Bis-saħħa tal-inkjesta dwar il-Pilatus Bank, tressqu l-qorti l-bank u uffiċjal iżda l-prosekuzzjoni tidher li hi monka. Il-Pulizija baqgħet sal-lum tinjora ordni biex jitressaq il-qorti sid il-bank u d-diretturi. Deċiżjonijiet li tkun ħadet l-FIAU qed jiġu appellati b’mod sistematiku u qed jiġu revokati mill-qorti u l-multi amministrattivi qed jitħallew mingħajr bażi legali difensibbli.

 

4. Prattiċi amministrattivi li jirregolaw sewwa u b’mod effettiv ir-relazzjonijiet li jistgħu jinħolqu bejn l-amministrazzjoni pubblika u nies tan-negozji li magħhom l-entitajiet tal-Istat neċessarjament iridu jitrattaw biex jinħoloq il-ġid. Effettivament il-gvern mhuwiex jikkopera mal-isforzi tal-Kummissarju tal-Istandards biex jiddaħħlu regolamenti ġodda. Dan ix-xahar stess l-uffiċċju ta’ Robert Abela ddefenda d-deċiżjoni tal-prim ministru li jiltaqa’ ma’ Charles iċ-Ċaqnu Polidano ftit ġranet biss wara li dan ġie arrestat dwar suspett ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin u korruzzjoni. La hemm regoli dwar trasparenza u lanqas reġistru dwar laqgħat bħal dawn u l-poplu qed isir jaf bihom biss meta jintebħu bihom il-ġurnalisti.

 

5. Fuq kollox jeħtieġ li infurzar ta’ liġijiet u regolamenti li diġà jeżistu jiġu fejn hemm
bżonn emendati biex isiru aktar rigorużi u sewwa applikati ħalli jiġi evitat l-abbuż. Fost dawn il-Bord jindika t-tisħiħ tal-liġi tal-Whistleblower, dik tal-finanzjament tal-Partiti, il-liġijiet li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti inklużi
tenders u direct orders.
Emendi li ddaħħlu għal-liġi dwar il-protezzjoni tal-whistleblowers wettqu l-biċċa l-kbira tad-direttivi tal-UE iżda naqsu li jindirizzaw ir-raġuni l-għala l-liġi fil-prattika qatt ma kienet effettiva: il-gvern żamm id-diskrezzjoni dwar l-għoti tal-protezzjoni lil dawk li jkunu disposti li jixhdu kontrih. Ma saret ebda diskussjoni dwar ir-riforma fil-finanzjament tal-partiti u ma saru ebda proposti dwar ir-reviżjoni tar-regolamenti tal-public procurement.

 

6.  

Il-liġijiet għandhom jassiguraw li m’għandux ikun permess n-negozjar bil-moħbi bejn l-amministratur pubbliku u nies fin-negozju. Speċjalment għandu jiġi projbit kull kuntatt magħhom fuq investiment proġettat permezz ta’
komunikazzjoni li ma jkunx governattiv u uffiċjali.

 

Ara paragrafu 4 aktar ‘il fuq.
7. Jeħtieġ li jkun hemm liġijiet bil-għan tiġi miġġielda l-kriminalità finanzjarja, t-tixħim u l-korruzzjoni bis-saħħa ta’ “Unexplained Wealth Orders”.

 

Il-gvern ressaq proposti dwar liġi tal-UWO u mbagħad għall-għarrieda reġġa’ kollox lura mingħajr ma ta ebda spjegazzjoni.  
8. Jiġi kreat reat speċifiku għal meta persuna b’kariga pubblika tfixkel jew
tittanta tfixkel lill-Pulizija jew awtoritajiet oħra fil-qadi ta’ dmirijiethom fosthom investigazzjonijiet ta’ reati;

Il-gvern ivvota kontra numru ta’ abbozzi ta’ liġijiet dwar is-suġġett imressqa minn Jason Azzopardi.
9. Bżonn li jiġi introdott reat simili għall-artikolu 416 bis tal-Kodiċi Kriminali Taljan li jikkontempla r-reat ta’ “di associazione di stampo
mafioso
”;
Ara paragrafu 8. Il-Prim Ministru Robert Abela ipprova jwaqqa’ kollox għar-redikolu u stqarr li l-liġijiet ta’ kontra l-mafja riduhom biss dawk li jixtiequ lil Malta tissejjaħ Mafia State.
10. Jiddaħħal fil-Kodiċi Kriminali Malti r-reat ġdid ta’ “Abbuso d’Ufficcio” li jsir minn uffiċjal pubbliku jew inkarigat minn servizz pubbliku fil-qadi ta’
dmirijietu jew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu;
Ara paragrafu 8.
11. Hemm lok ta’ reviżjoni tal-liġi tal-Avukat Ġenerali biex jiġu
implimentati għalkollox ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja
għal dak li jirrigwarda l-kontroll sħiħ tal-investigazzjoni ta’ reati gravi flimkien mal-Pulizija kif ukoll li hu stess jibda investigazzjoni
L-idea għadha ma ġietx diskussa, aħseb u ara kemm ġiet imwettqa. Sadattant, permezz ta’ sensiela ta’ “żbalji”, l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg kompliet miexja fuq il-passi ta’ dak ta’ qabilha  Peter Grech billi ssuktat bit-tfixkil fil-konfront ta’ investigazzjonijiet li għandhom il-potenzjal li jikxfu lil dawk li kellhom jew li għad għandhom is-setgħa politika.
12. Ix-xhieda quddiem il-Bord juru ħtieġa li jiġi introdott fil-liġi kriminali r-reat ta’ ostruzzjoni tal-ġustizzja simili għal dak ta’ “obstruction of justice” f’ħafna kodiċijiet esteri. Dana b’penalitajiet adegwati li jkopri wkoll it-tentattiv ta’ “depistaggio”;
Ara paragrafu 8.
13.  Bżonn ta’ provvedimenti leġislattivi u fil-Kodiċijiet tal-Etika biex jilqgħu għal imġiba mhux xierqa ta’ uffiċjali pubbliċi fil-qadi ta’ dmirijiethom;

 

Ara paragrafu 8.
14.  L-aqwa protezzjoni li għandha tingħata lil min ikun espost għal riskju gravi huwa li l-Pulizija tkun f’pożizzjoni li tidentifika l-kawża ta’ dak ir-riskju biex tkun tista’ tilqa’ għalih. Fil-każ tal-ġurnalista dan ifisser, fost ħwejjeġ
oħra, investigazzjoni tempestiva u effettiva tal-kawża ta’ dak ir-riskju jew
riskji. Biex dan ikun jista’ jseħħ, jeħtieġ li jkun hemm struttura
ad hoc fil-Korp tal-Pulizija.
Din l-istruttura jidher li nħolqot u ġew introdotti proċeduri fi ħdan il-korp tal-pulizija bil-għan li d-diskrezzjoni dwar kwistjonijiet bħal dawn ma tibqax f’idejn il-Kummissarju. Ma jidhrix li dan il-proċess huwa mgħasses esternament  u għaldaqstant wieħed ma jistax ikun ċert li qed jitwettqu l-proposti tal-inkjesta.
15. Il-Bord jelenka b’mod sintetiku s-segwenti rakkomandazzjonijiet, ukoll
b’riferenza għal dak illi digà ġie espost fil-konsiderazzjonijiet tiegħu dwar it-tielet terminu ta’ riferenza.

Ara paragrafu 3. Kemm ilu li xxandar ir-rapport tal-inkjesta, ma jidhirx li sar progress jew titjib.
16. Il-Korp għandu japprezza r-rwol tal-ġurnalist bħala għassies tad-demokrazija fil-pajjiż u l-valur tal-ġurnaliżmu bħala sieħeb mal-awtoritajiet fl-infurzar tal-liġijiet bil-għan li titħares is-saltna tad-dritt.

 

Il-Pulizija għażlet uffiċjal li għandu jaħdem mill-qrib mal-għaqda tal-ġurnalisti. Madankollu, l-Kummissarju Anġlu Gafà qed jevita lill-istampa u ma jidhrix li hemm djalogu bejn l-uffiċċju tiegħu u l-ġurnalisti.
17. Il-Korp tal-Pulizija … għandu jkun imħarreġ sewwa mhux biss fil-konfront tal-valur tal-ġurnaliżmu iżda anki fit-teknika investigattiva użata mill-ġurnalisti, fil-metodi li dawn jużaw biex jinkisbu r-riżultati li jagħtu valur lill-konklużjonijiet li jaslu għalihom li jkunu msejsin fuq analiżi li jkun għamlu.

 

Ma jidhirx li b’xi mod twettqet din ir-rakkomandazzjoni.
18. Wieħed għandu jara hemmx lok li tiġi emendata l -Kostituzzjoni sabiex l-artikli li jittrattaw dwar il-libertà tal-kelma u l-ġurnaliżmu ħieles jiġu rikonoxxuti bħala kolonni ta’ soċjetà demokratika u li l-istat għandu d-dmir li jiggarantihom u jħarishom. Din l-emenda għandha wkoll tirrikonoxxi d-dritt tal-individwu li jirċievi informazzjoni mill-Istat u mill-amministrazzjoni pubblika u li l-Istat u l-awtoritajiet pubbliċi huma obbligati li jipprovdu din l-informazzjoni.

 

Ara paragrafu 8. Ma sar ebda dibattitu pubbliku bl-involviment tal-gvern dwar metodi formali li permezz tagħhom jiġi rikonoxxut id-dritt tal-poplu li jingħata informazzjoni u dwar ir-rwol tal-ġurnaliżmu f’pajjiż demokratiku.
19. Għandu jinħoloq Uffiċċju Indipendenti tal-Ombudsman jew Kummissarju dwar l-Etika Ġurnalistika fuq l-istess linji tal-Kummissarju dwar Istandards fil-Ħajja Pubblika. Din l-awtorità għandha tkun totalment awtonoma u imparzjali u għandu jkollha s-setgħa li twettaq il-liġijiet u r-regolamenti li jipproteġu l-ġurnaliżmu ħieles, is-sigurtà tal-ġurnalisti u d-dritt għall-informazzjoni.  

 

Ma kien hemm ebda dibattitu u ma ttieħdu ebda inizjattivi biex tiġi mwettqa din il-miżura.
20. Għandha ssir reviżjoni tal-Kostituzzjoni fejn għandha x’taqsam l-Awtorità tax-Xandir.

 

Il-ħtieġa ta’ riforma bħal din issemmiet mill-OSCE, iżda ma ttieħdu ebda passi f’dan ir-rigward.
21. Il-Freedom of Information Act (Kapitlu 496) għandu jiġi emendat sabiex jonqsu l-okkażjonijiet li fihom l-amministrazzjoni pubblika tkun tista’, b’mod arbitrarju, tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni li tkun fl-interess pubbliku.

 

Ma ttieħdu ebda passi f’dan ir-rigward.
22. Il-problema tal-kawżi ta’ libell SLAPP għandha tiġi indirizzata.   F’Jannar 2022, il-gvern xandar abbozz li jindirizza din il-kwistjoni parzjalment iżda l-kwistjoni ma ddaħħlitx fl-aġenda tal-Parlament. Jingħad li l-kwistjoni ġiet indirizzata mill-kumitat ta’ esperti maħtura mill-gvern iżda l-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jinjora l-impenn li kien għamel biex ixandar ir-rakkomandazzjonijiet li sarulu. 

 

23. Elimina l-possibiltà ta’ libelli vessatorji kontra ġurnalisti li jinbdew minn persuni li għandhom kariga pubblika u li huma fid-dmir li jiddefendu l-libertà tal-kelma.

 

Jidher li dan is-suġġett ġie indirizzat mill-kumitat ta’ esperti maħtur mill-gvern iżda l-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jinjora l-impenn li kien għamel biex ixandar ir-rakkomandazzjonijiet li sarulu.
24. Kawżi tal-libell għandhom jieqfu mal-mewt tal-ġurnalist imħarrek. F’Jannar 2022, il-gvern xandar abbozz li jindirizza din il-kwistjoni parzjalment iżda l-kwistjoni ma ddaħħlitx fl-aġenda tal-Parlament. Jingħad li l-kwistjoni ġiet indirizzata mill-kumitat ta’ esperti maħtura mill-gvern iżda l-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jinjora l-impenn li kien għamel biex ixandar ir-rakkomandazzjonijiet li sarulu. 

 

 

25. Flus tal-poplu minfuqin f’reklami għandhom jitqassmu b’ġustizzja u mingħajr diskriminazzjoni.

 

Ara paragrafu 23.
26. Liġi li tirregola l-professjoni tal-Ġurnaliżmu.

 

Ara paragrafu 23.
27. L-Istat għandu jgħarbel il-qagħda tal-ġurnaliżmu u l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-libertà tal-kelma… Dan l-eżerċizzju għandu jsir minn kumitat ta’ esperti magħmul minn persuni akkademiċi, esperti fil-liġijiet dwar ix-xandir, ġurnalisti u sidien ta’ ġurnali … taħt l-awspiċi tal-Eċċellenza Tiegħu il-President ta’ Malta anki bħala estensjoni tal-proġett tal-Presidenza għar-riforma Kostituzzjonali u sabiex jiġu garantiti l-governanza tajba u s-saltna tad-dritt.

 

Seba’ xhur ilu nħoloq kumitat ta’ esperti ftit wara l-konklużjoni tal-inkjesta. Il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jinjora l-impenn li kien għamel li jxandar ir-rakkomandazzjonijiet.  Il-“proġett Presidenzjali dwar riforma Kostituzzjonali” jidher li miet fuq ommu.
28. L-Istat … għandu jirrikonoxxi formalment u pubblikament in-nuqqasijiet serji tal-amministrazzjoni pubblika b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.   Wara li xxandar ir-rapport tal-inkjesta, il-President ta’ Malta ta qima lil Daphne Caruana Galizia permezz ta’ żjara qasira fil-post fejn seħħ l-assassinju. Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa privata mal-membri tal-familja ta’ Daphne. Sal-lum għadu ma sar ebda rikonoxximent mill-amministrazzjoni pubblika dwar xi nuqqasijiet fl-amministrazzjoni pubblika u l-gvern ipprova jagti l-impressjoni li m’aċċetta ebda responsabbiltà għan-nuqqasijiet.  Dan l-aħħar id-Deputat Laburista Cressida Galea stqarret li ma kienx tort tal-gvern li Malta tqiegħdet fil-lista l-griża mill-FATF. 

 

29. Il-Gvern għandu jieħu passi biex jiġi żgurat li l-Istat jirrikonċilja mal-familja tal-ġurnalista assassinata. Il-membri tal-familja ta’ Daphne biss jistgħu jiġġudikaw jekk din ir-rakkomandazzjoni twettqitx jew le. Huwa l-Istat li għandu jassigura li ssir ġustizzja ma’ kull minn kellu x’jaqsam mal-kumplott li wassal għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. S’issa l-uniku bniedem li ġie kundannat għat-twettiq tad-delitt ingħata sentenza ta’ ħabs imnaqqsa wara li ddikjara ruħu ħati. Il-każ għadu miftuħ beraħ u l-ġustizzja għadha ma saritx.