Minn rapport imxandar dan l-aħħar mill-osservaturi tal-elezzjonijiet fl-Uffiċċju tal-Istituzzjonijiet Demokratiċi u tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan l-Organizzazzjoni dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) irriżulta li l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet li kienu saru minn delegazzjoni li segwiet il-proċess tal-elezzjoni tal-2017 ġew injorati mill-awtoritajiet Maltin.
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet issa reġgħu saru u fir-rapport magħhom żdiedu proposti li kienu saru fl-2021 minn Repubblika bil-għan li tinqered il-korruzzjoni fil-proċess elettorali.
Tal-OSCE irrakkomandaw bidliet fil-liġijiet Maltin bil-għan li jingħataw aktar setgħat u għodda lill-Kummissjoni Elettorali biex din tkun tista’ twettaq dmirijietha b’aktar effiċjenza u tkun tista’ tgħarbel aħjar u tinforza d-deċizjonijiet tagħha fejn għandhom x’jaqsmu r-regolamenti dwar l-iffinanzjar politiku. Dawn ir-rakkomanzdazzjonijiet saru wara li feġġew rapporti, injorati għalkollox mill-Puliizja, dwar infiq mhux awtorizzat minn kandidati għall-kampanja elettorali tagħhom.
Tal-OSCE wrew tħassib ukoll dwar il-qagħda tax-xandir f’Malta u dwar il-kundizzjonijiet li fihom qed jaħdmu l-ġurnalisti u ġabu bħala eżempju l-użu ta’ ritratt tal-awtur ta’ dan il-blog, Manuel Delia, fil-kampanja elettorali tal-Partit Laburista. Tal-OSCE wkoll wrew tħassib fil-konfront tad-dominanza tal-partiti politiċi fil-qasam televiżiv kif ukoll fil-konfront tal-iżbilanċ li jeżisti fix-xandir pubbliku.
L-osservaturi rrakomandaw li l-bordijiet biex imexxu l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS għandhom jinħatru “skont il-livelli internazzjonali ta’ governanza tajba bil-għan li jiġu mħarsa l-indipendenza u t-trasparenza.” Dawn l-osservaturi ħeġġew it-tnedija ta’ riformi fejn jidħol il-metodu tal-għażla ta’ dawk li jmexxu l-PBS bis-saħħa tad-dħul fis-seħħ ta’ proċessi kompettitivi b’riżq it-tħaris tal-awtonomija u tas-sostenibilità finanzjarja tax-xandir tal-istat.
Tal-OSCE talbu wkoll li r-rakkomandazzjonijiet li kienu saru fl-2017 dwar il-proċess elettorali għandhom jinflew mill-pubbliku. Dawn ilmentaw li dawk kollha li mhumiex membri ta’ partit politiku ma tħallewx isemmgħu leħinhom dwar it-trasparenza tal-proċess.
Tal-OSCE reġgħu tennew ir-rakkomandazzjonijiet li kienu għamlu dwar il-finanzjament tal-kampanji elettorali u saħqu li l-partiti politiċi għandhom jiġu finanzjati mill-istat. Tennew ukoll li r-regolamenti li jimponu t-trasparenza għandhom jgħoddu wkoll għal dawk l-entitajiet kontrollati mill-partiti politiċi u li l-infiq mill-partiti għandu dejjem ikun regolati.