Joseph Muscat wiegħed li kien ser jiġbor eluf iwerżqu u jgħajtu. Wissa’ li kellu l-ħila li jimla t-toroq tal-Belt Valletta b’folla ta’ nies ifferoċjati. B’liema ardir jażżardaw li jixlu uffiċjal li kien ħatar biex jikser il-liġi u jordom wied bit-tarmak?

Il-wegħda ta’ Joseph Muscat kienet biss duħħan. Minflok protesta massiċċa, nġabret ċorma żgħira ta’ nies li għamlet inqas ħoss minn dak li tinstema’ minn bitħa fi skola mimlija tfal.

Il-kbir Invictus ħa tisbita! Beda’ billi kkwotalna lil Eżekjel 25:17, b’azzarin ippuntat lejn rasna. Iżda flok il-leħen imponenti u l-preżenza qawwija ta’ Jules Winnfield, kien aktar qisu Frank Spencer jiskuża ruħu talli ħarbitlu bassa mill-warrani tiegħu. “U ssiru tafu li jien il-Mulej dakinhar li l-vendetta tiegħi taqa’ fuqkom.” 

Bossulu waħda! X’aktarx li l-prosekuturi qed jagħmlu taħthom bil-biża’!

Tal-iskantament hu l-fatt li Joseph Muscat, x’aktarx minħabba l-paranoja inkurabbli li għandu, jemmen – aktar milli jemmen ħaddieħor – li l-prosekuzzjoni tista’ tipprova li għandha każ kontra r-raġel ta’ kuġintu. Ilna wisq naraw iseħħu “żbalji” mill-prosekuzzjoni u ma tkunx ħaġa kbira jekk isseħħ xi ħaġa simili fil-każ ta’ Frederick Azzopardi. Xi ħaġa ‘teknika’ bħal pereżempju, ‘balleċ, il-kelb kiel il-provi’ jew ‘tant ilha mwaħħla ċ-ċitazzjoni fil-kaxxa tal-ittri li issa l-każ huwa preskritt’.

Il-folla fjakka li nġabret quddiem il-qorti dalgħodu mhix se teffettwa l-eżitu tal-każ kontra Frederick Azzopardi.

Iżda jkun tajjeb li niġbdu l-attenzjoni għal dan li ġej:

  1. Bejn il-Partit Laburista u Joseph Muscat għaddejja gwerra mhix dikjarata. Ilbieraħ filgħaxija l-Partit Laburista ta gambetta lil Joseph Muscat hekk kif ta lill-partitarji Laburisti x’jifhmu li ma kienx qed jappoġġja l-protesta. Minn wara l-kwinti qed isiru aktar manuvri. Nhar il-Ħadd li għadda Joseph Muscat m’attendiex biss għall-marċ ta’ San Gejtanu. Żar festi oħrajn – ħaġa li qatt m’għamilha fi żminijiet oħra. M’hemmx dubju li beda kampanja. Hawn min qed jgħid li qed iniedi kampanja biex martu Michelle ‘Imelda Marcos’ Muscat toħroġ bħala kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għan-nom tiegħu. U hawn min qed jgħid li l-Partit Laburista xejn mhu kuntent b’dan.
  2. Joseph Muscat ma jgawdix l-appoġġ li mingħalih li għandu. Bla dubju ta’ xejn li hemm aktar nies li għandhom pjaċir bih milli għandhom pjaċir bija. Iżda b’daqshekk ma jfissirx li n-nies se joħorġu fit-toroq biex juru l-appoġġ tagħhom lil min sfaċċatament kiser il-liġijiet.
  3. Joseph Muscat għad għandu l-ħila li jiġbed l-ispag: ta’ propagandisti, ta’ prosekuturi, ta’ membri tal-korp tal-pulizija u anki ta’ xi membri tal-ġudikatura. Wħud minnhom jippermettu li tinġibdilhom l-ispaga b’sens ta’ lealtà. Oħrajn jagħmlu dan minħabba l-biża’. Forsi jkun aħjar għalih jekk ma joqgħodx jaħlef iżżejjed fuq il-lealtà ta’ dawk li qed iħalluh jiġbdilhom l-ispaga għax jibżgħu minnu.
  4. Dakinhar li Joseph Muscat ikun imissu jwieġeb għal sejħa biex jidher quddiem il-qorti, tgħidx kemm ser tiċċappas ħara ma’ xi wċuħ.