Lill-eluf li fl-2019 kienu nġabru biex jipprotestaw fit-toroq u li spiċċaw biex niżżlu lil Joseph Muscat mis-setgħa, kienu sejħulhom “erba’ qtates”. Mela jekk dawk l-eluf kienu “erba’ qtates”, x’naqbdu nsejħulhom dawk il-waħdiet li tfaċċaw dalgħodu quddiem il-bieb tal-qorti biex iċapċpu u jtaptpu fuq dahar Frederick Azzopardi?

Illum kellna l-okkażjoni naraw il-baħar jaqsam bejn il-fantasiji ta’ Joseph Muscat u r-realtà tad-dinja. Dalgħodu ċertament kienet doċċa kiesħa għal dawk li għadhom jgħixu fl-univers tal-ħolqien li fih Joseph Muscat hu meqjus bħala alla u Manwel Cuschieri meqjus bħala l-qassis il-kbir tiegħu.

Dakinhar li Joseph Muscat jikteb fil-Facebook biex iħares lilu nnifsu u lill-bażużli tiegħu minn proċess kriminali, kulma jlissen jeħtieġ li jiġi rappurtat fil-ġurnali għaliex huwa fl-interess pubbliku li kemm hu kif ukoll huma jittellgħu l-qorti u li l-qanpiena tiegħu tinstema’ wkoll.

Iżda x-xenarju patetiku li kellna dalgħodu – xenarju li fih ma rajniex b’nemes lil Jeffrey Pullicino Orlando b’termos mimli tè Earl Grey imdendel ma’ qaddu – għandu jiftaħ beraħ l-għajnejn ta’ dawk li sal-lum għadhom jaħsbu li Joseph Muscat għandu xi appoġġ qawwi.

Bosta huma dawk li jiftakru lil Dom Mintoff fl-aħjar żmien tiegħu matul il-laqgħat li kien ikollu tard billejl hu u jgħajjat b’ħanġra daqsiex mal-ħaddiema ta’ taħtu, jgħajjar lill-ħbieb tiegħu u jippersegwita lill-għedewwa tiegħu. Kien bniedem li kien inissel il-biża’ sforz is-setgħa bla tarf li kellu. U bosta oħrajn jiftakruh bħala figura patetika u senili mgħobbija biż-żmien, hu u jxejjer il-bastun lejn il-qarrej tal-meter tad-dawl tad-dar tiegħu.

Kien x’kien fl-imgħoddi Joseph Muscat, jibqa’ l-fatt li issa m’għadux li kien. Frankament, il-fehmiet tiegħu dwar suġġetti bħalma huma ir-regolamenti tal-off-side, dwar ir-riċerka fuq il-kanċer fit-tfal, dwar is-swieq finanzjarji, dwar l-għawm f’ibħra miftuħin, eċċetra qatt ma waqqfu pajjiż, saħansitra anki meta kien prim ministru.

Lil sħabi l-ġurnalisti nixtieq inwasslilhom il-messaġġ li ġej: il-fehmiet ta’ Joseph Muscat illum huma inqas importanti milli qatt kienu. Kull darba li tiġru b’saqajkom mal-warrani tagħkom biex tirrapportaw “dak li qal Joseph Muscat”, tkunu qed tilagħquh bħal fiż-żmien meta kien meqjus bħala bniedem importanti. In-nostalġija għandkom terħulha fil-ġenb. Sakemm mhux qed iħallaskom biex tikkwotaw dak kollu li jgħid. Jekk dan tabilħaqq huwa l-każ, allura intom agħar minnu.

Lil Muscat issa jmisskom tħalluh bi kwietu. Illum għandu biss il-ħila li jiġbor erba’ anzjani bħal dawk li jikru vann biex idawwarhom mal-Belt Valletta u biex iżuru l-kjosk ta’ Ġilardu, il-każin tal-Lejber u l-bini tal-Qorti mmexxijin minn Manwel Cuschieri.

Lil dawn ikun jista’ jimlielhom rashom bil-għerf tiegħu kemm ikun irid.