Joseph Muscat m’għadux prim ministru. M’għandux is-setgħa fuq uffiċjali pubbliċi li kellu fl-imgħoddi. Meta kien prim ministru, kien il-kap ta’ organizzazzjoni kriminali li ħatfet lill-istituzzjonijiet statali bil-għan li jimtlew il-bwiet tal-klikka. Din l-organizzazzjoni u dan l-għan għadhom hemm, iżda s-setgħa politika li kellhom m’għadhiex dik li kienet.

Iżda hemm għadha.

Ilbieraħ, eks prim ministru li kien ġie umiljat u li kien ġie mġiegħel iwarrab aktar minn sentejn ilu, għamel stqarrija pubblika b’attakk fuq l-istituzzjonijiet tal-istat. Xliehom li kienu qed jaġixxu biss bis-saħħa tal-pressjoni li kienet qed issir fuqhom.

Xela’ wkoll lill-aġenzija dwar il-ħarsien tal-ambjent u lill-Pulizija. Huwa wissa’ wkoll lill-uffiċċju tal-prosekutur u lill-maġistratura li dawn ser ikollhom jiffaċċjaw l-istess akkużi jekk jitkompla l-każ kontra Frederick Azzopardi.

Mhux hekk biss. Sejjaħ lill-“eluf” ta’ partitarji tiegħu sabiex juru reżistenza kontra l-proċediment tal-liġi. Dawn il-partitarji ma waqgħux mis-sema. Dawn jagħmlu parti minn xibka wiesa’ ta’ lealtà li kienet tfasslet fiż-żmien li matulu Joseph Muscat kien imexxi lill-Partit Laburista. Dawn jifformaw parti minn biċċa tal-Partit Laburista li qed tinżamm magħquda minn ċerti propagandisti tal-One TV u tar-radju u ko-ordinata minn ċerti deputati u attivisti Laburisti.

Dan mhu xejn ħlief stat lil hinn mill-istat li għandu l-liġijiet u r-regolamenti tiegħu. Joseph Muscat imexxi organizzazzjoni li l-liġijiet tal-pajjiż ma jgħoddux għaliha u l-unika liġi li tgħodd hi dik li jikkmanda kollox hu.

Lil hinn mill-istat informali iżda setgħan ta’ Joseph Muscat hemm l-istat ta’ Malta fejn, għallinqas fit-teorija, l-liġijiet jgħoddu l-istess għal kulħadd. Dawk li jaħdmu fl-istituzzjonijiet – jiġifieri dawk li lbieraħ il-partitarji ta’ Joseph Muscat ġew imxewxa kontra tagħhom – huma l-aġenti tal-istat ta’ Malta.

Ilbieraħ ħadd ma tkellem biex jiddefendihom. Ħadd ma tniffes biex jiddefendi lill-uffiċjali tal-aġenzija dwar il-ħarsien tal-ambjent, lill-uffiċjali tal-Pulizija, lil tal-uffiċċju tal-prosekutur u lill-maġistrati. Bħala attivisti, ta’ sikwit nikkritikawhom talli jonqsu mid-dmirijiet tagħhom. Bħala attivisti jeħtieġ li niddefenduhom mill-intimidazzjoni, mill-arja li ssir magħhom mill-kriminali u mit-theddid dirett jew indirett li jsir fil-konfront tagħhom li jnaffarhom milli jwettqu xogħolhom.

Ilbieraħ ebda politiku ma tniffes.

Il-Prim Ministru Robert Abela ma lissinx kelma li hi kelma. La hu u lanqas il-gvern tiegħu ma tniffsu biex jiddefendu lill-uffiċjali tal-ambjent u lill-uffiċjali tal-pulizija li qed jiġu intimidati minn eks prim ministru. Robert Abela naqas li jwissi lil dawk li ser jiġu mixlija li m’għandhomx jintimidaw lill-uffiċjali tal-gvern. Lanqas ma wegħedhom il-protezzjoni tal-istat fil-konfront tat-theddid kontrihom tal-marmalja ta’ Joseph Muscat.

Lanqas il-Kap tal-Oppożizzjoni ma tniffes. Il-PN u l-Oppożizzjoni injoraw dan l-inċident għalkollox u naqsu li jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-aġenti tal-infurzar.

Joseph Muscat qed iħoss il-ħtieġa li jintimida mhux għal wiċċ Frederick Azzopardi. Din il-ħtieġa qed iħossha biex lill-uffiċjali pubbliċi jurihom li jekk qatt jażżardaw jixluh fil-ġejjieni, ser ikollhom jiffaċċjaw il-korla ta’ dawk li jadurawh.

Qed iwissihom dwar x’għandhom jistennew li jkollhom ma’ wiċċhom kemm-il darba jaqdu dmirhom.

Lil Joseph Muscat, Robert Abela u Bernard Grech qed jagħtuh daqqa t’id. Għax mhumiex jitniffsu. Lil dawk l-uffiċjali pubbliċi li f’idejhom għandhom provi kemm trid dwar l-imġiba kriminali tal-klikka ta’ Joseph Muscat, Robert Abela u Bernard Grech qed iwasslulhom il-messaġġ li, jekk jiddeċidu li jmexxu bil-qorti, ser jerħulhom jaqdfu għal rashom u jiffaċċjaw waħedhom lill-marmalja ta’ Manwel Cuschieri.

Lil Joseph Muscat fetħulu t-triq beraħ.