Agħtu daqqa t’għajn lejn dan ir-rapport dwar battalja legali li qed tagħmel The Malta Independent fuq punt ta’ prinċipju, jekk mhux għal xejn aktar. Li kieku l-gvern eventwalment kellu jiġi mġiegħel jagħti tweġiba dettaljata għall-mistoqsijiet li sarulu dwar kemm fil-fatt swewh il-movie awards li saru lejlet l-elezzjoni, sa dakinhar ftit ser ikunu dawk li jibqa’ jimpurtahom.

Ilkoll nafu kemm tberbqu u nħlew flejjes, l-aktar meta wieħed jiftakar fit-tqanċiċ kollu mal-operaturi lokali li jinsabu neqsin mill-appoġġ governattiv. Madankollu jibqa’ s-suspett li l-awards night saret biex tagħti mbuttatura lill-Partit Laburista għall-kampanja elettorali.

Sa dakinhar li, ma’ dak li diġà nafu bih, jiżdiedu d-dettalji u l-figuri, inkunu diġà b’nifisna maqtugħ u jkun jeħtieġ li nieħdu nifs qawwi.

Ilbieraħ is-Sunday Times of Malta xandret storja dwar ħlasijiet li saru mill-VGH lil kumpannija ta’ mart Keith Schembri fiż-żmien li tal-VGH kienu qed jirsistu biex jakkwistaw il-permess tal-gvern biex jittrasferixxu l-konċessjoni ta’ 3 sptarijiet pubbliċi u dan minkejja l-fatt li baqa’ ma sar xejn minn dak li kienu ntrabtu dwaru b’kuntratt.

Ilna nafu snin sħaħ li l-kuntratt tal-isptarijiet kien wieħed jinten bil-korruzzjoni. Konna ilna nafu li Keith Schembri daħal fl-arena politika biex jistagħna. Il-fatti kulħadd fehemhom u ma nbidel xejn bis-saħħa tad-dettalji li xxandru dwar fatturi u trasferimenti ta’ flus.

Allura ta’ The Malta Independent x’fettlilhom li baqgħu jinsistu? Għalfejn joqogħdu jagħmlu talbiet taħt il-Freedom of Information u jappellaw kull darba li t-talba tagħhom tiġi miċħuda? Imġiba bħal din tfakkarni ħafna fl-insistenza ta’ Repubblika li tingħata informazzjoni dwar kif Silvio Valletta kien sab ruħu maħtur fuq il-bord tal-FIAU. Mal-medda taż-żmien, l-urġenza tibda’ tbatti.

Li hu urġenti huwa l-fatt li dritt li suppost huwa taċ-ċittadini – jiġifieri l-libertà tal-informazzjoni – qed jiġi kontinwament maħnuq mill-gvern. Xi drabi n-nies ma tifhimx li l-prinċipju bażiku li l-imġiba tal-gvern hu ta’ interess pubbliku. Dan ma jistax ħlief ifisser li għandna dritt li nsiru nafu xi jkun qed iseħħ u, b’mod partikolari, dwar il-mod kif jintefqu l-flus.

Ikun hemm ċerti okkażjonijiet rari li fihom ikun fl-interess pubbliku li jinżamm kollox mistur. Pereżempju, mhux fl-interess pubbliku li n-nies issir taf id-dettalji dwar l-arranġamenti ta’ sigurtà fejn għandu x’jaqsam id-deheb miżmum maqful fil-Bank Ċentrali.

Il-gvern m’għandux jitħalla jibqa’ jaħbi x’kienet in-nefqa tal-awards night. L-iskużi li ġab, kif imxandra minn The Malta Independent, mhux talli mhumiex kredibbli. Iżda huma wkoll assurdi.

Li kieku jien kont direttur fuq il-Malta Film Commission u l-impjegati ma jkunux f’pożizzjoni li jfornuni bil-lista tal-ispejjeż li jkunu saru fuq it-22 attività tal-Malta Film Week, dan meta nkun qed nuri tħassib dwar tberbiq li jkun sar f’attività waħda u mhux fil-21 attività l-oħrajn, ikun jeħtieġ li jiddabbru l-irjus.

Dan bħal meta tmur tiekol f’ristorant u sidu jgħidlek li ma jistax jgħid bl-eżatt kemm ser ikollok tħallas għall-inbid u għal-laħam li tkun kilt – ikun biss jista’ jgħaddilek kont wieħed għat-tnejn f’daqqa.

Dawn mhumiex tfal. Joħorġu bi skużi redikoli apposta għaliex lill-ġurnalisti bħal dawk ta’ The Malta Independent u lill-attivisti bħal dawk ta’ Repubblika jkunu jriduhom jaqtgħu qalbhom. Il-fatt jibqa’ li l-“iskużi” assurdi li qed iġibu biex ikomplu jostru u jaħbu l-informazzjoni huma umiljanti f’disprezz tagħhom.

Imġiba bħal din mhi xejn ħlief in-negazzjoni tad-demokrazija.