Joseph Muscat għażel lil Adrian Delia biex ikun wieħed minn żewġ avukati li, f’isem il-klabbijiet tal-premier, ser jinnegozjaw mal-MFA. Adrian Delia ser jaħdem id f’id ma’ Jean Farrugia, wieħed mis-sidien ta’ DF Advocates, ditta legali li fl-imgħoddi kienet ċaħdet li kellha rabtiet fil-qrib ma’ Keith Schembri meta dan kien iċ-chief of staff fl-uffiċċju tal-prim ministru.

Adrian Delia għandu l-esperjenza fejn għandha x’taqsam it-tmexxija tal-futbol u kien għamel xi snin bħala president ta’ Birkirkara FC. Żmienu fil-kamp tal-futbol ma kienx nieqes mill-kontroversji. Kumitat maħtur mill-PN li kien għamel due diligence review kien irriżultalu li seta’ u kien messu mexxa investigazzjoni interna dwar korruzzjoni fil-futbol ħafna aħjar. Dak iż-żmien xhieda li hu kien ta quddiem qorti kienet ġiet dikjarata bħala waħda li mhix kredibbli.

Xi ġimgħat ilu, wara li ttieħed vot mill-klabbijiet, Joseph Muscat ingħata t-tmexxija tal-għaqda li tiġbor fiha l-klabbijiet tal-futbol tal-premier. Kienu biss nofs ta’ dawn il-klabbijiet membri li vvutaw favur il-ħatra u Muscat spiċċa biex inħatar president wara li wħud mill-klabbijiet l-oħra astjenew.

Joseph Muscat issa ħatar bħala avukat lil dak li, meta kien prim ministru, kien ipoġġi faċċata tiegħu fil-Parlament bħala kap tal-oppożizzjoni. Adrian Delia kien Kap tal-Oppożizzjoni minn Settembru 2017 sa Ottubru 2020 meta tneħħa mill-ħatra. Għall-biċċa l-kbira ta’ dak iż-żmien sa dakinhar li warrab Joseph Muscat f’Jannar 2020, kien fid-dell ta’ Joseph Muscat.

Adrian Delia kien ta’ sikwit jiġi kritikat talli kien jibqa’ lura milli jikkritika lil Joseph Muscat u dan minkejja l-fatt li l-prim ministru ta’ dak iż-żmien kien ġie rikonoxxut bħala OCCRP ‘Man of the Year for Organised Crime and Corruption’.

L-avukati Adrian Delia u Jean Farrugia ser ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-għajnuna ta’ persuni b’esperjenza teknika u finanzjarja. Il-persuni tekniċi huma t-team manager tal-Hiberniana Jesmond Abela, li jsibuh bil-laqam il-Ħaċċ, li hu wkoll il-persuna li mbotta kemm felaħ biex jinħatar Joseph Muscat.