Permezz tal-avukat tiegħu, Alfred Degiorgio (li tkellem ukoll f’isem ħuh Ġorġ) ilbieraħ allega li minn dakinhar tal-arrest tagħhom, hu u ħuh kienu diġà ġew mgħoddija ġuri mill-mezzi tax-xandir u li għaldaqstant mhumiex ser jingħataw smigħ xieraq fil-qorti.
Degiorgio ilmenta li Joseph Muscat, dak iż-żmien prim ministru, kien tkellem f’konferenza stampa ftit wara l-arrest tagħhom u kien stqarr li hu, flimkien ma’ oħrajn, kienu persuni suspettati li wettqu l-“att barbaru” tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Huwa qal li l-mezzi tax-xandir madwar id-dinja kienu kkumentaw dwar l-arrest tagħhom u dwar l-akkużi li hemm kontrihom. Ilmenta li, hu u jiċħad it-talba tagħhom biex jingħataw maħfra, il-Prim Ministru Robert Abela kien irrefera għalihom bħala persuni li “jiffurmaw parti mill-kriminalità organizzata”. Degiorgio ilmenta wkoll li l-qorti ripetutament ċaħdet it-talbiet tiegħu sabiex jingħata l-libertà proviżorja u dan għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Deċiżjoni li, skont l-avukat tiegħu, turi li l-pubbliku hu preġudikat sewwa kontra tagħhom.
M’hemmx dubju li, daqs ħaddieħor, l-aħwa Degiorgio għandhom dritt li jkollhom smigħ xieraq. Iżda din hi d-differenza bejna u bejnhom: lil Daphne Caruana Galizia dawn ma tawha ebda smigħ xieraq qabel qatgħuhielha għall-mewt. Lanqas biss kienu indenjaw ruħhom li jitkixxfu dwar l-identità tagħha u dwar ix-xogħol tagħha. Iżda aħna ser nagħtuhom smigħ xieraq u ser niżguraw li d-drittijiet tagħhom jiġu mħarsa.
Il-verità hi li l-ilment li d-drittijiet tagħhom mhumiex jiġu mħarsa tort tal-mezzi tax-xandir huwa wieħed redikolu. Aktar u aktar fl-isfond tal-kontenut tal-intervista li Ġorġ Degiorgio kien ta lill-ġurnalist tar-Reuters Stephen Grey, liema intervista ttieħdet ferm qabel ir-rikors li għadhom kemm ippreżentaw.
F’dik l-intervista, kien Ġorġ Degiorgio stess li ammetta l-ħtija tagħhom għall-qtil kiesaħ u biered ta’ Daphne Caruana Galizia u li dan il-qtil kienu wettquh għall-flus minkejja l-fatt li lil Daphne ma kinux jafu min hi. Huwa ammetta li l-pjan tal-qtil tagħha kien qed jiġi mfassal fuq medda ta’ sentejn u fid-delitt implika wkoll lil ħuh u lil Vince Muscat il-Koħħu (li diġà ammetta s-sehem tiegħu fid-delitt).
Bl-intervista jew mingħajrha, it-talba li kien għamel biex jingħata maħfra (li kien tkellem dwarha Robert Abela) waħedha diġà hi amissjoni ta’ ħtija. Ammissjoni li, għalkemm ma tistax tintuża fil-qorti, iżda li xorta waħda n-nies ma tistax tinjoraha.
U ma’ dan tiżdied ix-xhieda li ngħatat dwar min kien il-moħħ wara d-delitt – Yorgen Fenech -li għadu ma ġiex implikat minnhom, iżda li kien ħallsilhom l-ispejjeż fiż-żmien bejn l-arrest tagħhom u l-arrest tiegħu stess.
Alfred Degiorgio jridna ninsew u ma jridniex inħaddmu moħħna. Dak iż-żmien seta’ kien għadu ma jafx, iżda l-qtil ta’ Daphne kien seħħ minħabba f’hekk.
Issa mar il-qorti biex jilmenta li moħħna bqajna nħaddmuh u dan anki wara li nqabad.