Repubblika ilha għal xhur sħaħ titlob lill-Maġistrat Nadine Lia biex issejjaħ seduta fil-kawża li ppreżentat kontra l-kummissarju tal-pulizija talli dan naqas li joqgħod għall-ordnijiet tal-maġistrat tal-inkjesta dwar il-Pilatus Bank. Għal darba darbtejn, b’ċerta arja, rrifjutat l-argumenti u r-raġunijiet kollha li ġibnielha biex nipperswaduha li l-qrubija li għandha mal-avukat ta’ Joseph Muscat għandu jiskwalifikaha milli tkompli tisma’ l-kawża u dan biex tiġi żgurata l-imparzjalità.

Jumejn ilu, il-maġistrat irrikjamat il-kawża għal-lum u ttamajna li forsi issa bdiet tillumina ruħha u li mhux ser tibqa’ twebbes rasha u tgħaddi l-każ f’idejn maġistrat ieħor li mhuwiex miżżewweġ ma’ soċju fl-uffiċċju legali ta’ Pawlu Lia.

Sejħitilna għad-9:35 ta’ filgħodu. Bejn id-9am u l-10:30am kienet leħqet sejħet għas-smigħ 19-il każ ieħor. L-awla tagħha fakkritna f’suq tal-merċa mimli storbju.

Wara xi siegħa minn meta suppost kellha tinstema’ l-kawża tagħna, il-maġistrat sejħet il-kawża u bdiet taqra stqarrija li permezz tagħha infurmat lill-partijiet – jiġifieri Repubblika u l-kummissarju tal-pulizija – li kienet irċeviet ittra anonima dwar il-proċeduri li kien hemm quddiemha. U issa l-kawża ser titkompla fis-27 ta’ Ottubru.

Bdejna nroddu s-slaleb.

L-avukat tagħna, Jason Azzopardi, talab li jagħmel verbal – jiġifieri biex tiddaħħal stqarrija bil-miktub fil-proċess tal-kawża dwar il-pożizzjoni ta’ Repubblika.

Il-Maġistrat Nadine Lia dehrilha li ma kellhiex tippermetti li jsiru verbali, lissnet il-kliem “jiena lesta” u, hi u tirrifjuta li tisma’ u li nivverbalizzaw dak kollu li ridna ngħidu, lebbtet tiġri ‘il barra mill-awla. Wieħed jista’ forsi jgħid li, kieku l-maġistrat keċċietna ‘l barra mill-awla qabel ħallietna ngħidu kelma, kienet tkun ħatja ta’ abbuż tal-awtorità tagħha. Minflok għamlet dan, kienet hi stess li dabbret rasha ‘l barra.

Imġiba bħal din mhix biss hi inġusta. Hi wkoll vavata. Donnu ma kienx biżżejjed li l-maġistrat ma ridetx tisma’ dak kollu li ma jdoqqx għal widnejha. L-imġiba tagħha ma tistennihiex minn persuna – x’aktarx waħda nieqsa mill-oġġettività meħtieġa – li tmexxi qorti.

Aħna u ħerġin mill-awla, l-avukat tagħna mar dritt fir-reġistru tal-qorti biex fl-atti tal-kawża jippreżenta nota li fiha stqarr dak kollu li kellu jistqarr quddiem il-maġistrat.

L-ittri anonimi aħna nikkundannawhom. Nafu xi jħoss min jirċevihom għaliex aħna rċevejna patafjuni minnhom. Jiddispjaċina għal dak li ħasset il-maġistrat hi u taqraha.

Hi u tiddeċidi li tirrikjama l-kawża għal-lum, niċħdu bil-qawwa kull implikazzjoni li setgħet għamlet il-maġistrat li b’xi mod aħna kellna x’naqsmu ma’ din l-ittra anonima.

U xorta waħda aħna tal-fehma li l-kawża għandha tinstema’ bl-urġenza iżda mhux mill-Maġistrat Lia għaliex jidhrilna li jeżisti kunflitt u li hi ma tista’ qatt tkun imparzjali.

Jingħad li jkun aħjar għall-poplu li ma jsirx jaf kif jinħadem iz-zalzett u dwar kif jitfasslu l-liġijiet.

Illum il-poplu ma impressjona ruħu xejn bil-mod kif qed isseħħ il-ġustizzja.