Ftit ġimgħat ilu, quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tqiegħdu żewġ verżjonijiet ta’ sensiela ta’ fatti. Waħda mill-verżjonijiet kienet fil-kontenut ta’ digriet ta’ maġistrat u l-verżjoni kontrastanti l-oħra tal-istess fatti ngħatat lill-qorti superjuri minn wieħed mill-partijiet li qed jidher quddiem l-istess maġistrat f’qorti inferjuri.

Tajjeb li nfakkar. F’digriet tagħha l-Maġistrat Nadine Lia qalet li, waqt is-smigħ ta’ kawża li nġiebet minn Repubblika kontra l-kummissarju tal-pulizija, hi kienet tat digriet wara li ebda rappreżentant ta’ Repubblika ma tkellem mal-qorti. Iżda kien l-avukat ta’ Repubblika li stqarr li kienet il-Maġistrat stess li għażlet li tinjora t-talba tiegħu li jitkellem ftit qabel Nadine Lia, bla kliem u bla sliem, qabdet u lebbtet ‘il barra mill-awla. Din il-verżjoni tal-avukat ta’ Repubblika tinsab konfermata minn diversi rapporti fil-ġurnali li nkitbu minn ġurnalisti li dak il-ħin kienu preżenti fl-awla.

L-Imħallef Ian Spiteri Bailey kellu jiddieċiedi bejn żewġ verżjonijiet ta’ sensiela ta’ fatti li ma jaqblux ma’ xulxin. Apparti l-fatt li aħna konna nafu li l-verżjoni tagħna kellha mis-sewwa u li diversi xhieda indipendenti kienu qed jaqblu magħna dwar kif seħħew l-affarijiet, xorta waħda tbellaħna aħna u nisimgħu lill-Imħallef igiddeb il-verżjoni tal-maġistrat.

Din kienet parti mis-sentenza li ta l-Imħallef Ian Spiteri Bailey li permezz tagħha laqa’ t-talba ta’ Repubblika sabiex Nadine Lia, li tiġi l-mara ta’ iben Pawlu Lia li huwa wkoll l-avukat ta’ Joseph Muscat fil-każ tal-Pilatus Bank li huwa l-istess każ li dwaru Repubblika qed tagħmel kawża lill-kumissarju tal-pulizija, ma tibqax tippresjiedi l-qorti li qed tisma’ l-provi fil-kawża. Id-deċiżjoni tal-Imħallef kienet miżura temporanja sakemm tiġi deċiża kawża oħra dwar il-kwistjoni dwar jekk id-drittijiet fundamentali ta’ Repubblika kienux inkisru bis-saħħa tar-rifjut ta’ Nadine Lia li tirrikuża ruħha milli tkompli tisma’ l-kawża.

Din il-miżura temporanja kienet ordni tal-Imħallef lir-reġistratur tal-qorti biex igħaddi l-proċess tal-kawża lil maġistrat ieħor.

Sadattant l-Avukat tal-Istat għamel talba lill-qorti biex jingħata permess jappella mis-sentenza. Għal Repubblika, din it-talba ma kienitx problema. Li kienet problematika hi t-talba tal-Avukat tal-Istat sabiex tiġi sospiża l-miżura temporanja li ordnat il-qorti biex il-proċess tal-kawża imur mingħand Nadine Lia għal quddiem maġistrat ieħor. Huwa minnu li l-Istat bħal donnu qabel mat-tħassib tagħna kemm il-darba Nadine Lia kellha titħalla tkompli tisma’ l-provi fil-kawża waqt li jkunu qed jinstemgħu l-provi dwar ksur ta’ drittijiet fundamentali quddiem qorti superjuri. Fil-fatt l-Avukat tal-Istat qabel li l-proċeduri li kienu nbdew quddiem il-qorti presjeduta minn Nadine Lia kellhom jitwaqqfu. L-Avukat tal-Istat madankollu ma qabilx li l-każ kellu jkompli jinstema’ minn maġistrat ieħor sakemm tinqata’ s-sentenza dwar ksur ta’ dritijiet fundamentali.

Kien dwar dan il-punt li l-qorti kellha tiddeċiedi llum. L-Avukat tal-Istat għandu jingħata permess li jappella? L-ordni tal-qorti sabiex il-proċess tal-kawża jgħaddi f’idejn maġistrat ieħor tista’ tiġi revokata?

L-Imħallef Ian Spiteri Bailey laqa’ t-talba tal-Avukat tal-Istat u tah permess li jappella.

Il-kwistjoni taħraq kienet dwar it-tieni talba u l-Imħallef tkellem fit-tul dwar il-kwistjoni.

Beda’ billi kkritika l-għemil tal-amministrazzjoni tal-qorti talli din qagħdet taħsibha żżejjed qabel obdiet l-ordni li kienet tat il-qorti sabiex il-proċess tal-kawża jgħaddi f’idejn maġistrat ieħor. Il-gvern ma jistax joqgħod jittituba qabel jobdi ordni ċara tal-Qorti Kostituzzjonali. Ordnijiet bħal dawn isiru sabiex iservu ta’ tarka ta’ protezzjoni għal dawk l-individwi li d-drittijiet fundamentali tagħhom ikun hemm il-periklu li jinkisru minħabba xi azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni tal-gvern.

Kif stqarret il-qorti llum, l-unika raġuni għala l-qorti ntalbet tirrevoka l-ordni tagħha stess kienet li l-ordni li tat fil-fatt kienet ġiet injorata.

Il-qorti għamlet riferenza għal Nadine Lia wkoll. Meta l-Avukat tal-Istat talab permess li jappella mis-sentenza li ngħatat sabiex il-każ jitqiegħed quddiem maġistrat ieħor, il-qorti semmiet il-ftehim li kien seħħ bejn l-Avukat tal-Istat u Repubblika biex, sakemm jinqata l-appell, il-proċeduri li kienu bdew quddiem Nadine Lia kellhom jitwaqqfu.

B’reazzjoni, Nadine Lia tat digriet u, filwaqt li għamlet riferenza għal digriet ieħor li qalet li kienet tat, stqarret li hi kienet diġà ddeċidiet li ma tibqax tisma’ l-każ sakemm jinqata l-appell li sar kontra l-ordni sabiex hi ma tippresjiedi l-qorti li qed tisma’ l-kawża.

Il-qorti ħassitha “perplessa”. Dan kien il-kliem eżatt li uża l-Imħallef. X’kienet ir-raġuni li, fil-Qorti Superjuri stess, l-Avukat tal-Istat u Repubblika qablu li jitolbu s-sospensjoni tas-smiegħ tal-każ fil-Qorti Inferjuri kemm il-darba l-Qorti Inferjuri stess kienet stqarret li kien bi ħsiebha tagħmel proprju dan? Perpless kif kien, l-Imħallef Ian Spiteri Bailey stqarr li ħa l-briga biex jivverifika l-proċess li kellha quddiemha Nadine Lia u rriżultalu li dan id-digriet fil-fatt qatt ma kien ingħata.

Issa ieqfu għal ftit sekondi u iġbdu nifs ‘il ġewwa.

Bi ħsiebni nerġa’ nsemmi lil dan il-punt wara li ngħidilkom li l-Imħallef ċaħad it-talba tal-Avukat tal-Istat sabiex tiġi revokata l-ordni temporanja li ngħatat sabiex il-proċess tal-kawża li saret minn Repubblika kontra l-kummissarju tal-pulizija dwar il-Pilatus Bank jittieħed minn idejn Nadine Lia u jmur quddiem maġistrat ieħor.

Nerġgħu lura għall-kwistjoni li fiha, għat-tieni darba, Qorti Superjuri rriżultalha li l-verżjoni tal-fatti ta’ Nadine Lia ma qablitx ma’ fatti li ġew verifikati. L-ewwel waħda – jiġifieri dwar jekk kienx minnu jew le li Nadine Lia kienet injorat it-talbiet ta’ Republika biex titratta quddiemha – kienet sentenza ta’ Ian Spiteri Bailey li permezz tagħha twarrbet il-verżjoni tagħha u ġiet konfermata l-verżjoni li ġiet korroborata minn diversi xhieda.

Tal-lum kienet differenti bil-wisa’. L-Imħallef Ian Spiteri Bailey stħarreġ dwar kwistjoni li kienet qaltlu dwarha l-Maġistrat Nadine Lia u rriżultalu li dak li qaltlu ma kien minnu xejn.

Bis-saħħa tal-ewwel każ, intefgħu dellijiet fuq il-kredibilità ta’ Nadine Lia.

Il-każ tal-lum ikkonferma li l-Maġistrat hi giddieba.

Wara li seħħ l-ewwel każ, Repubblika stqarret li Nadine Lia għandha tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha bħala maġistrat.

Mit-taġen qbiżna għal ġon-nar u issa huwa d-dmir tal-Parlament li juriha l-bieb ta’ barra.

M’għandniex xi ngħidu, dan m’hux ser iseħħ. Jekk Nadine Lia għandha kunflitt ta’ interess bis-saħħa tal-fatt li l-kunjatu tagħha hu l-avukat ta’ Joseph Muscat – klijent li għandu interess qawwi li jara li l-każ tal-Pilatus Bank jindifen taħt it-trab darba għal dejjem – il-maġġoranza Parlamentari Laburista li hemm bħalissa għandha kunflitt ta’ interess ukoll. Ilkoll kemm huma – ibda’ b’Robert Abela u spiċċa bi Glenn Bedingfield – għandhom interess qawwi li jiżguraw li l-verità kollha dwar il-Pilatus Bank tibqa’ mistura. Għaliex jekk tfeġġ il-verità kollha dwar il-Pilatus Bank, dan ikun riskju kbir mhux biss għall-pożizzjoni legali ta’ Joseph Muscat iżda wkoll għall-eżistenza tal-Partit Laburista nnifsu.

Qegħdin taraw l-għala dan kollu huwa importanti. Din il-kwistjoni m’hix biss dwar maġistrat li nqabdet f’gidba jew tnejn. Hi kwistjoni dwar kif il-politika partiġġjana qed tfixkel it-tħaddim tal-ġustizzja f’Malta.

Forsi issa tistgħu tifhmu aħjar ir-raġuini wara ħidmietna. L-argumenti tagħna qed jikxfu din ir-realtà iżda m’humiex l-argumenti tagħha li qed joħolquha. Qed nikxfu l-inġustizzji biex min ikun vittma tagħhom ikun jista’ jieħu raġun bil-qorti kontra l-kriminali li ħakmu lill-amministrazzjoni pubblika.