Ikun hemm mumenti li fihom kważi kważi tibda’ biex titħassar lill-Avukat Ġenerali li hi l-prosekutur prinċipali ta’ gżiritna. Xogħolha – li m’huwiex xi xogħol pjaċevoli – jikkonsisti fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Ir-riżorsi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha huma inqas mir-riżorsi li jinsabu f’idejn il-kriminali li suppost qiegħda hemm biex tegħleb. Lill-avukati prinċipjanti li għandha madwarha tħallashom pagi tas-servizz pubbliku. Iżda l-parti opposta tħallas flejjes tajbin lil avukati mustaċċuni. M’hemmx ugwaljanza ta’ armi bejn naħa u oħra fejn għandu x’jaqsam ħlas għas-servizz u esperjenza. Terġa’ u tgħid, is-sitwazzjoni m’hi feliċi xejn għaliex ta’ sikwit issib prosekuturi ta’ esperjenza moderata li jaqbżu għal fuq in-naħa opposta u joffru s-servizz legali tagħhom lill-kriminali u prosekuturi b’esperjenza akbar jitilqu mill-impjieg biex jilħqu maġistrati u mħallfin.

Qed tħossuha ġejja l-“imma”?

Imma.

Ninsabu f’sitwazzjoni ta’ tħassib kbir. Mid-dehra l-Avukat Ġenerali qed issib wens mill-appoġġ inkundizzjonat tal-ministru tal-ġustizzja u tal-gvern. Dan xejn m’hu jirrifletti tajjeb fuqha.

Tintebaħ li għandna problema kbira f’ħoġorna meta jkollok maġistrat bħal Donatella Frendo Dimech li ma felħitx tissaporti aktar u fferoċjat bir-rabja mal-prinċipjanti ta’ Victoria Buttigieg li qed jagħmluha ta’ prosekuturi fil-każ tal-Pilatus Bank. U wkoll meta jkollok lil Nadine Lia – minn tant nies – tiggwida lill-prosekuturi dwar kif għandhom iġibu ruħhom kontra dak il-manigold u ħabib ta’ Robert Abela, Christian Borg.

M’għandiex għalfejn nassumu li jeżistu xi raġunijiet makabri wara l-fallimenti ripetuti tal-Avukat Ġenerali. Lanqas m’għandna għalfejn inħossuna tant iffrustrati biex neżiġu bidla. Sabiex wieħed jasal biex jikkonkludi li l-kwistjoni tal-liberazzjoni impliċita ta’ Darren it-Topo Debono kien messha tmexxiet aħjar minn kif fil-fatt tmexxiet, wieħed m’għandux għalfejn jiddeċiedi favur it-teorija li Victoria Buttigieg lil Debono ħallietu jgħaddiha lixxa għaliex riedet tgħatti xtur Chris Cardona u Carmelo Abela jew għaliex xi kriminal kien għaddieha minn għajn il-labra.

Biex wieħed jasal għall-konklużjoni li l-Istat naqas li jwettaq u jfittex li ssir ġustizzja f’waħda mill-akbar ħadmiet finanzjarji li qatt rat Malta bis-saħħa tad-diżastru li ġab miegħu il-każ Pilatus (b’dawk il-waħdiet li kontrihom ittieħdu passi bil-qorti), wieħed m’għandux għalfejn li qabel xejn ikun konvint li Victoria Buttigieg bilfors qed tgħatti x-xtur ta’ Joseph Muscat. Il-prosekuzzjoni m’hix taqdi dmirha kif suppost. U dan huwa ħażin minnu nnifsu u jeħtieġ li sseħħ bidla.

M’għandniex xi ngħidu, għal dawk li jissuspettaw f’moħħhom li l-qassatat u l-pudini ripetuti li qed isiru mill-uffiċċju tal-prosekutur huma biss parti minn konġura korrotta maħluqa biex tagħti kenn lill-kriminali tal-politika, jasal biex jikkonferma s-suspetti tagħhom l-appoġġ li qed jagħtu ministri tal-gvern lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Iżda, apparti dan kollu, t-tifħir mhux ġustifikat li għamlu Robert Abela u Jonathan Attard fil-konfront ta’ Victoria Buttigieg, jekk xejn, juri li m’hemmx rieda li jsir titjib. Dawn isostnu li huma jitkellmu bil-mod li jitkellmu dwar l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għaliex gvern hekk għandu jġib ruħu fil-konfront ta’ istituzzjonijiet awtonomi.

Ippermettuli nġib eżempju. Ikun mistenni minn prim ministru ta’ pajjiż li jitkellem favur l-iskwadra nazzjonali tal-futbol meta din tilgħab xi partita f’kompetizzjoni internazzjonali. Dak il-prim ministru ma jkollux għalfejn jagħmel xi sforz speċjali biex ifaħħar lill-iskwadra rebbieħa u biex jagħti s-sostenn tiegħu lill-iskawdra telliefa. Iżda jekk ikun hemm membri tal-iskwadra nazzjonali tal-futbol li jġibu ruħhom ħażin billi jaqgħu fl-art apposta, ifajjru d-daqqiet ta’ sieq, jinfexxew fi ġlied jew jinqabdu bid-drogi, jkun mistenni li l-prim ministru jibdel it-ton u jistqarr li l-pajjiż kien jistħoqqlu aħjar.

Il-prosekuturi mhux dejjem tgħaddi tagħhom fil-qorti u meta jwettqu x-xogħol skont il-ħila tagħhom, il-gvern jagħmel sewwa li jappoġġjahom. L-istess għandha tagħmel is-soċjetà ċivili.

Iżda jasal stadju li fih ikollna nammettu li l-għemil u l-komportament tal-Avukat Ġenerali m’huwiex aċċettabbli.

Hi x’inhi r-raġuni – hix kompliċità, initmidazzjoni, nkompetenza, nuqqas ta’ riżorsi jew nuqqas ta’ finanzi – bħala l-avukati tal-poplu Malti u tal-pajjiż Victoria Buttigieg u l-uffiċċju tagħha m’humiex iwettqu x-xogħol tagħhom kif inhu mistenni

Din il-problema jeħtieġ li nsibu tarfha.