Fi żmien jumejn oħra ser ikun hemm maġistrat oħra li ser tisma’ t-trattazzjoni tal-avukat ta’ Repubblika li ser ifiehem lill-qorti l-għala l-Kummissarju tal-Pulizija Anġlu Gafà xorta waħda naqas li jieħu passi bil-qorti minkejja l-eżistenza ta’ provi dokumentati fl-atti ta’ inkjesta maġisterjali dwar il-Pilatus Bank.
Il-maġistrat il-ġdida hi Claire Stafrace Zammit. Din ħadet post Nadine Lia li tneħħiet minn fuq il-każ wara li l-Qorti Kostituzzjonali temporanjament laqgħet it-talbiet ta’ Repubblika li saħqet li d-dritt tagħha għal smiegħ xieraq kien inkiser bis-saħħa tal-fatt li għal tliet darbiet irrifjutat li tirrikuża ruħha.
Repubblika kienet ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li, minħabba r-relazzjoni familjari li Nadine Lia għandha ma’ Pawlu Lia – l-avukat li assista lil Joseph Muscat fl-investigazzjoni dwar jekk il-Pilatus Bank kienx qed iżomm evidenza dwar korruzzjoni li kien imdaħħal fiha l-eks prim ministru – Repubblika ma kienitx ser tingħata smiegħ imparzjali u xieraq.
Wara li naqset li tirrikuża ruħha għat-tielet darba, fil-Qorti Kostituzjonali Repubblika argumentat ukoll li ebda mħallef ma jista’ jiddeċiedi huwa stess huwiex imħallef imparzjali jew le. Il-qrati tagħna jagħmlu użu minn din is-sistema ta’ rikużi fejn il-partijiet jitolbu lil imħallef jirrikuża ruħu minħabba allegat kunflitt ta’ interess. Iżda jkun dejjem l-imħallef li jiddeċiedi għandux jirrikuża ruħu jew le.