Innutajt li l-ġurnalista għamlet riferenza għall-avukat tal-vittma li f’Lulju li għadda kienet irrappreżentat lis-Sinjura Cassar dakinhar li l-qorti ntalbet toħroġ ordni ta’ protezzjoni. Nhar il-Ħadd li għadda din l-istess avukat assistiet lill-vittma hi u tippreżenta rapport fil-kwartier ġenerali tal-pulizija dwar l-imġieba ta’ żewġha.
Ġietni l-kurżità biex insir naf il-għala l-avukat ta’ Bernice Cassar kienet għadha ma tkellmet xejn dwar l-inċident u dan meta wieħed jikkunsidra li l-avukat, flimkien mal-vittma, tkun taf mill-qrib il-mod kif l-awtoritajiet naqsu li jaġixxu meta s-Sinjura Cassar ripetutament baqgħet tittallab għall-protezzjoni tal-istat.
Ġietni l-kurżità għaliex meta mara determinata u persistenti tingħata parir u tipprova tegħleb l-ostakli tal-burokrazija biex tingħata l-protezzjoni tal-istat u xorta waħda tibqa’ esposta għall-vjolenza ta’ min spiċċa biex ħasdilha ħajjitha, tistgħu timmaġinaw biss minn xiex igħaddu dawk in-nisa li ma jsibu ebda wens u ebda għajnuna legali u li ma jifhmux li l-istat huwa fid-dmir li ma jħallihomx jaqdfu għal rieħhom.
Lill-avukat ta’ Bernice Cassar bgħattilha sensiela ta’ mistoqsijiet u tlabtha tikkummenta. Staqsejtha tgħidli kellhiex kummenti x’tagħmel wara dak kollu li seħħ il-bieraħ u dwar jekk jidhrilhiex li l-istat b’xi mod naqas lil Bernice Cassar. Lill-avukat staqsejtha biex tagħtini l-fehma tagħha dwar il-fatt li l-mod kif iddaħħlu t-tibdiliet fl-2020 mill-Ministru Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija Anġlu Gafà dwar rapporti li jsiru fuq vjolenza domestika kienu għamluha aktar diffiċli għas-Sinjura Cassar li tingħata l-attanzjoni li hi kienet teħtieġ mill-awtoritajiet.
Stennejt li bis-saħħa tal-qrubija tagħha mal-każ, l-avukat setgħet tgħaddili l-esperjenzi tagħha.
S’issa l-avukat tal-vittma baqgħet ma weġbitnix.
Jekk Dr Marita Pace Dimech tiddeċiedi li tgħaddili l-kummenti tagħha, tistgħu tibqgħu ċerti li bi ħsiebni nxandarhom hawn.
Sadattant stħarriġt biex nara min hi din Dr Pace Dimech, għax jien ma nafhiex. Din l-avukat taħdem fl-uffiċċju tal-avukat Andy Ellul, li huwa l-portavuċi tal-gvern fil-Parlament. U, sa ftit ilu, hi stess kienet il-portavuċi tal-gvern bħala propagandista fuq One TV – propagandista li tippretendiha ta’ “ġurnalista”.
Qed nittama li l-fehmiet politiċi tagħha u l-propaganda li tagħmel f’isem il-gvern ma żammewx lil Dr Pace Dimech milli tikkummenta dwar in-nuqqas tal-gvern li jevita l-qtil brutali tal-klijenta tagħha.