Kien hemm żvilupp ieħor fil-kawża li Repubblika qed tagħmel biex iġġiegħel lill-Kummissarju tal-Pulizija jieħu l-każ tal-Pilatus Bank bis-serjetà. Il-bieraħ il-Qorti Kostituzzjonali bħala Qorti tal-Appell iddeċidiet dwar l-ilment tal-Istat dwar sentenza ta’ Qorti Kostituzzjonali Inferjuri li ordnat li s-smiegħ tal-kawża bla dewmien jitneħħa minn quddiem Nadine Lia u jitqiegħed quddiem maġistrat ieħor jew oħra.

Għalkemm qablet ma’ Repubblika li l-kwistjoni kien jeħtieġ li tinstema’ b’urġenza minħabba l-fatt li ż-żmien kien qed igħaddi ġmielu u kien jeħtieġ li l-kriminali ma jitħallewx igħadduha lixxa minħabba l-preskrizzjoni, l-Qorti Kostituzzjonali tal-Appell  għalissa ma qablitx li l-kawża għandha titneħħa minn quddiem Nadine Lia u tinstema’ minn maġistrat ieħor. Ikun aħjar, skond il-qorti, jekk Nadine Lia ma tibqax tisma’ l-kawża sakemm tinqata’ l-kawża l-oħra li hemm pendenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, liema qorti jeħtieġ li tiddeċiedi b’urġenza dwar jekk id-drittijiet tagħna ġewx ikkalpestati jew le u mbagħad jingħata rimedju wara li jkunu nstemgħu l-provi kollha.

Permezz ta’ digriet li ta dalgħodu l-Imħallef Spiteri Bailey implika li l-Qorti Kostituzzjonali kienet fil-fatt iddeċidiet li Repubblika kellha raġun u li kien qata’ sentenza favuriha minkejja li ma kienx għadu sema’ l-provi kollha.

Nagħmilha ċara li l-Qorti tal-Appell m’għaddiet ebda kumment li jimplika li Ian Spiteri Bailey kien iddikjara ruħu favur l-argumenti li ġabet Repubblika.

Minkejja dan, l-Imħallef Ian Spiteri Bailey ddeċieda li ma tkun ħaġa sewwa kemm il-darba dawk li jidhru quddiemu (jiġifieri Repubblika jew l-Istat) anki jasal biex igħaddilhom minn moħħhom li hu kien diġa’ kkonkluda dwar kif għandu jiddeċiedi l-kawża qabel jintemm il-proċess kollu. Huwa minnu li l-Qorti tal-Appell reġgħet bgħatet il-każ quddiem l-Imħallef Spiteri Bailey biex ikun hu li jaqta’ sentenza. Iżda, skont l-Imħallef, dan m’huwiex biżżejjed.

Fid-digriet tiegħu l-Imħallef għamel ħaġa ammirevoli u ta qima lill-prinċipji li hu stess kien semma’ fis-sentenza li kien ta hu u jordna li, sakemm ikun hemm deċiżjoni finali,  l-ġustizzja tkun trid tidher li qed issir u l-każ ta’ Repubblika għandu jitneħħa għal kollox minn quddiem Nadine Lia. Skont l-Imħallef dak li japplika għal Nadine Lia, għandu japplika għalih ukoll.

L-Imħallef ikkwota wkoll kitba mimlija għerf:

It is a basic principle of English law that a judge should not sit to hear a case in which a fair-minded and informed observer, having considered the facts, would conclude that there was a real possibility that s/he was biased… The concept of bias includes any personal interest in the case or friendship with the participants, but extends further to any real possibility that a judge would approach a case with a closed mind, or indeed, with anything other than an objective view, a real possibility, in other words, that s/he might have prejudiced the case.

U kompla:

Integrity is the attribute of rectitude and righteousness. The components of integrity are honesty and judicial morality. A judge should always, not only in the discharge of official duties, act honourably and in a manner befitting the judicial office, and be free from fraud, deceit and falsehood, and be good and virtuous in behaviour and in character. There are no degrees of integrity as so defined. Integrity is absolute. In the judiciary, integrity is more than a virtue; it is a necessity.

Infakkarkom dan il-każ dwar xiex jittratta. Nadine Lia kienet ċaħdet it-talbiet ta’  Repubblika biex tirrukuża ruħha mis-smiegħ tal-kawża għaliex il-każ jittratta dwar bank li kien ġie mġiegħel jagħlaq u li kien jintuża biex jinħaslu flejjes maħmuġin ta’ ċerti politiċi u li fih il-klijent famuż ta’ missier żewġha allegatament ħeba flejjes li kien akkwista minn sorsi lleċti. Il-klijent – jiġifieri Joseph Muscat – jiċħad dawn l-akkużi.

Għal tliet darbiet wara xulxin irrifjutat li tirrikuża ruħha u saħansitra tat digriet mimli ineżattezzi u invenzjonijiet.

Lill-Imħallef Ian Spiteri Bailey ħadd ma talbu jirrikuża ruħu. Iżda jidher li xamm li xi ħadd għad jista’ jagħmel talba bħal din. U mingħajr ma qgħad jistenna li ssir it-talba, warrab minn jeddu u talab Imħallef ieħor biex jisma’ l-provi b’urġenza kif ordnat il-Qorti tal-Appell.

L-Imħallef mexa’ bl-eżempju. Eżempju li wħud stennew li kienet ser timxi fuqu Nadine Lia. Eżempju li juri integrità. Li juri determinazzjoni bla tlaqliq li, biex tassew iseħħ il-ġustizzja, mħallef m’għandu qatt jidher li qed ixaqleb lejn naħa jew oħra.