Matul terz taż-żmien li fih assistenti soċjali f’Għawdex suppost kienu qed inaddfu d-djar tal-anzjani u jagħmlu l-qadjiet ta’ dawk l-anzjani li jgħixu weħidhom, uffiċjalment dawn kienu qed jaħdmu band’oħra. Sadattant, għal kwint taż-żmien, lill-anzjani qalulhom li s-servizzi li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jkomplu jgħixu fil-komunità, ma kienux disponibbli.

Din id-diskrepanza nduna biha l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar (NAO) li xandar “value for money audit” dwar it-tħaddim tal-iskema tal-għajnuna lill-anzjani f’Għawdex. Dan is-servizz jipprovduh assistenti soċjali li jaħdmu direttament mal-Ministru ta’ Għawdex u oħrajn li jaħdmu ma’ kuntrattur privat.

Fl-2021 – l-aħħar sena li ġiet mgħarbla mill-awditur – irriżulta li f’60% taż-żmien ħaddiema tal-gvern li suppost kienu xogħol fid-djar tal-anzjani kienu qed “jaħdmu band’oħra”. Fir-rapport tiegħu l-awditur ma jispjegax din il-“band’oħra” fejn kienet u jagħmel riferenza vaga għal uffiċċji tal-gvern u dawk ta’ “NGO”. U minkejja l-fatt li l-ħaddiema ma kienux qed jaħdmu fd-djar tal-anzjani, dawn xorta waħda tħallsu mill-fondi tal-iskema tal-għajnuna Home Help.

U minbarra l-ħaddiema li kienu qed jaħdmu fi bnadi oħra, 20% tas-sigħat li dwarhom il-kuntrattur privat ħareġ kont għal servizzi li suppost ingħataw lill-anzjani li jgħixu weħidhom, tpinġew bħala servizzi li ngħataw fi bnadi oħra.

Ir-rapport tal-awditur igħid li “meta sar stħarriġ minn dan l-Uffiċċju, uffiċjali tal-Ministeru ta’ Għawdex stqarrew verbalment li dan l-arranġament kellu l-barka tal-awtoritajiet minn fuq nett. Dwar din il-kwistjoni ma ngħatawx aktar dettalji lil dan l-Uffiċċju”.

Il-value for money audit ma komplietx tgħarbel il-kwistjoni u ma setgħetx tivverifika x’fil-fatt kienu qed jagħmlu dawk il-ħaddiema li xogħolhom suppost kien jikkonsisti fit-tindif tad-djar tal-anzjani u f’qadi ieħor bħal ma huma x-xiri ta’ ikel u ta’ mediċini. Il-fatt li dawn kienu neqsin minn fuq il-lant tax-xogħol fisser li l-anzjani li kienu jeħtieġu s-servizzi kellhom jibqgħu b’xiber imnieħer.

Fl-aħjar ipotesi, l-kwistjoni dwar dawk il-ħaddiema tal-gvern li ntbagħtu jagħmlu xogħol fi bnadi oħra tammonta għal użu abbużiv mill-Ministeru ta’ Għawdex tal-flus tal-iskema tal-għajnuna Home Help. Ma jidhirx li r-rata ta’ assenteiżmu ta’ 60% ġiet investigata sabiex jiġi żgurat li dan ma kienx xi każ massiċċ ta’ skartar.

Il-kwistjoni fejn għandu x’jaqsam il-kuntrattur privat hi aktar kumplikata minħabba l-fatt li x-xogħlijiet li saru mill-kuntrattur huma regolati minn kuntratt għal skop speċifiku. Ġaladarba l-awditur ma qalx li f’idejh kellu dokumenti formali li jagħtu spjega dwar ir-rilokazzjoni tar-riżorsi, kull investigazzjoni dwar il-possibilità li ġew miżapproprjati flejjes pubbliċi tkun ġustifikata.