Jesmond Gatt ilu żmien twil jaħdem fil-qasam regolatorju. Kif qalet it-Times of Malta huwa kien beda’ jaħdem mal-Bank Ċentrali fl-1984. Iżda minn mal-Bank Ċentrali kien spiċċa bil-banda. Bħala chief officer kien imlaħħaq sewwa iżda fost sħabu kien magħruf bħala wieħed li għandu l-ħila jpaċapaċ ħafna mingħajr iżda ma jwettaq.
Fil-fatt kellu xi igħid bil-kbir mal-gvernatur tal-Bank Ċentrali, jiġifieri mal-eks ministru ta’ żmien Muscat, Edward Scicluna u Jesmond Gatt kien ġie imġiegħel idabbar rasu.
Iżda ma damx wisq imdendel bejn sema u ilma. Qabel l-2013, Gatt kien għen lill-Partit Laburista u kien ingħata l-kenn inkundizzjonat li s-soltu jingħata lill-“persons of trust”. Minn bord għadda għal ieħor, sakemm imbagħad ingħata l-ħatra li xtaq.
Issa Edward Scicluna ser ikollu jpoġġi koxxa ma’ koxxa miegħu waqt il-laqgħat tal-bord tal-MFSA immexxijin minnu.