Bħalissa qed tidher dejjem aktar ċara l-firda morali ta’ bejn il-ġenerazzjonijiet li hemm fi ħdan il-Partit Laburista. M’hemm assolutament xejn ġdid f’dak li qed iseħħ. Dom Mintoff kien kisirha bl-aħrax mal-mexxej ta’ qablu. Alfred Sant kien pubblikament għajjar lil Dom Mintoff “traditur” tal-moviment Laburista u dan wara li kien pinġa lilu nnifsu bħala l-oppost ta’ Karmenu Mifsud Bonnici. Joseph Muscat kien xela’ lil Alfred Sant li kien għalaq għajnejh għal kollox għall-fatt li l-biċċa ‘l kbira tal-Maltin riedu lil Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea u li ma kien ried jisma’ b’xejn. Il-wegħda ta’ kontinwità ta’ Robert Abela rikbet minn fuq ir-riżenja ta’ bla unuri tal-mexxej ta’ qablu. Issa għad ikun hemm mexxej fil-futur li jieħu post Robert Abela u li jwiegħed li jibda’ paġna ġdida.

Bħalissa, dawk li huma kunsidrati bħala veterani fil-Partit Laburista u li huma kbar wisq fl-età biex jikkultivaw l-ambizzjonijiet politiċi, qegħdin jaqtgħu r-rabtiet tagħhom għaliex m’għadux jintagħraf il-moviment politiku li m’għadx għandhom kontroll fuqu.

Nieħdu lil Evarist Bartolo li issa jidher li qed tmissu l-kuxjenza. L-abort huwa suġġett li jġiegħel lil bosta jmorru lil hinn mil-lejaltà tagħhom lejn il-partit. Hi x’inhi l-fehma personali tagħhom dwar l-abort, il-membri parlamentati Laburisti jidher li lesti li jibqgħu jippruvaw jipperswadu lilhom infushom li mhux ser taqa’ d-dinja kemm il-darba jivvutaw favur liġi li tippermetti l-abort. Jistgħu jkomplu jqarrqu bihom infushom biex b’hekk ma jitilfu xejn mis-saħħa li tagħtihom is-setgħa. Ċertament għal dawn il-talin, l-abort m’huwiex aktar importanti mill-impjiegi, mill-voti u mis-setgħa li jistgħu jitilfu.

Kif ammetta huwa stess, Evarist Bartolo kien ġab ruħu bl-istess mod waqt li kien jifforma parti minn gvern li nkixef li hu gvern korrott u li, sforz l-imġieba tiegħu, kien ippermetta li tinqatel ġurnalista. L-impunità u l-korruzzjoni ma kienx jaqbel magħhom, iżda kien aktar importanti għalih li jibqa’ jappoġġja lill-partit tiegħu. Huwa kien stqarr li xtaq li ssir tibdila “minn ġewwa”. Dan ma kien ifisser xejn ħlief li ma kienx lest li jissagrifika s-setgħa għall-prinċipju.

Iżd’issa m’għandu xejn x’jitlef. La għandu setgħa politika u lanqas m’għandu s-saħħa li jibdel l-affarijiet “minn ġewwa”. U għaldaqstant jaf li m’hu ser jitlef xejn kemm il-darba jxandar fehmiet li ma jkunux jaqblu mal-fehmiet tal-partit tiegħu.

Dwar il-kwistjoni tal-abort Evarist Bartolo stqarr dan li ġej: “jekk tassew irridu li niddiskutu l-abort b’mod serju, ejjew niżguraw li jkollna diskussjoni serja”. Jien ma stajtx nesprimi ruħi aħjar minn hekk. Fil-fatt, hekk ippruvajt nagħmel. Naqbel perfettament li, lil hinn mill-fehmiet li wieħed jista’ jkollu dwar l-abort, dak li qed jallega l-gvern fis-sens li l-abbozz ta’ liġi li qed iressaq mhux ser jiftaħ it-triq għall-abort, m’huwa xejn ħlief qerq.

Il-gvern qed jinsulta l-intelliġenza ta’ dawk li huma favur li jagħtu lill-mara d-dritt li tagħżel hi x’tagħmel b’tqala kif ukoll ta’ dawk li jemmnu li mill-mument tal-konċepiment ‘il quddiem tkun tnisslet ħlejqa umana li għandha dritt għall-ħajja daqs kull tarbija oħra li tkun twieldet.

Is-suġġett huwa wieħed mill-aktar sensittiv kemm għal naħa kif ukoll għall-oħra u l-gvern m’hu qed jirrappreżenta lil ebda naħa. Minflok jirrikonoxxi l-validità li hemm fl-argumenti taż-żewġ naħat, il-gvern baqa’ jinsisti li kulħadd għandu jaċċetta l-bidliet fil-liġi li jrid jagħmel li fil-fatt m’huma bidliet xejn.

Illum qrajt il-kummenti ta’ veteran ieħor tal-Labour li, frankament, bellħuni. Alfred Sant għadu membru parlamentari Ewropew u x’aktarx ikun irid jibqa’ MEP għal wara l-2024. Minkejja li għad għandu x’jitlef, xorta waħda xandar fehmiet li wieħed jista’ jsejjħilhom bħala fehmiet awtonomi.

Illum kiteb dwar id-dewmien li qed ikun hemm f’kawżi kriminali li fihom hemm involuti politiċi jew dawk li jxaħħmuhom.  Huwa stqarr li dawk li jsostnu – bħalma nsostni jien – li mill-2013 s-saltna tad-dritt f’Malta marret il-baħar, qed igħaġġbuha żżejjed u li l-problemi qed jiffaċċjaw l-istituzzjonijiet fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ilhom magħna għal għexieren tas-snin.

Għall-grazzja tal-argument ejjew naċċettaw dak li stqarr Alfred Sant, bniedem li ċertament ma daħalx għall-ħajja pubblika biex jipprova jirfina l-ħila tiegħu fl-analiżi soċjo-storika. Il-politika m’hix hemm biex taqtagħlna qalbna dwar il-bidliet li jkunu meħtieġa. Evarist Bartolo, meta kien ministru, kien ġie wiċċ imb wiċċ mal-imġieba kriminali tal-gvern li hu kien jifforma parti minnu u, b’mod mill-aktar patetiku, kien wieġeb: “imma jien xi stajt nagħmel?”

Ħeqq. Jekk deherlek li ma stajt tagħmel xejn, xi dħalt tagħmel fil-ħajja politika?

L-artiklu li kiteb illum Alfred Sant ma kitbux biex igħidilna li għal dawn l-aħħar 200 sena l-pulizija, l-prosekuturi u l-qrati kienu dgħajjfin fil-konfront tal-korruzzjoni. Kiteb dak li kiteb illum biex jesprimi d-dieqa tiegħu għall-fatt li, fl-10 snin li għaddew, il-Partit Laburista wera’ li għandux il-ħila li jsewwi din id-dgħjufija u li għaldaqstant issa jinsab lest li jikkritika lill-Partit fil-beraħ.

Alfred Sant ma kienx imnebbaħ li jikteb dak li kiteb minħabba Gerald Strickland, Carmelo Caruana, Joe Fenech, John Dalli jew Jesmond Mugliett. Alfred Sant kiteb dak li kiteb għaliex l-iskandlu tal-Panama ilu 7 snin li feġġ u li, minn dakinħar li feġġ, ħadd għadu ma tressaq il-qorti. Kiteb dak li kiteb għaliex l-ordni tal-Maġistrat biex jiġi nvestigat u mħarrek Karl Cini fuq akkuża ta’ teħid ta’ ġurament falz fl-inkjesta Egrant  issa spiċċat fix-xejn minħabba l-preskrizzjoni. Xejn ma swielhom lil Joseph u Michelle Muscat il-fatt li l-pulizija baqgħet ma ħadet ebda passi kontra Karl Cini fuq twettiq ta’ delitti kriminali li dwarhom hemm provi dokumentati fl-atti tal-inkjesta maġisterjali li għalqet fl-2018!!

Alfred Sant kiteb dak li kiteb għaliex Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona u oħrajn baqgħu sal-lum igħadduha lixxa minħabba l-impunità li hi l-konsegwenza tal-fatt li l-pulizija, l-prosekuturi u l-qrati baqgħu ċassi.

L-argumenti li ġab Alfred Sant huma ċari ħafna. Nistgħu nibqgħu nargumentaw sa nżul ix-xemx t’għada dwar jekk l-impunità fil-konfront tal-korruzzjoni hix agħar illum milli kienet 10 snin ilu, iżda Alfred Sant jidher li jaqbel li llum s-sitwazzjoni m’hix aħjar minn dik li kienet 10 snin ilu. Jekk xejn, mill-ħażin morna għall-agħar.

Alfred Sant jista’ ma jaqbilx mal-fehma tiegħi li, fl-aħħar 10 snin, il-korruzzjoni ġiet istituzzjonalizzata b’mod mingħajr preċedent u li tal-Labour issiġillaw kollox permezz tal-kontroll tagħhom fuq l-istituzzjonijiet.

Iżda dawn il-veterani tal-Labour ċertament għandhom jaqblu miegħi li l-korruzzjoni baqgħet taħkem, l-impunità baqgħet tissoda u li l-gvern li għandha huwa lest jibqa’ jigdeb bla mistħija ta’ xejn.