Jekk irridu nibqgħu nitqiesu bħala bnedmin ta’ qalb kbira, ma nistgħu qatt ngħattu għajnejna għall-kefrija ta’ dan il-gvern. B’mod speċjali meta l-vittmi tal-gvern ma jkunu ħadd ħlief it-tfal.

M’hux biżżejjed li noqgħodu nikkunslaw bil-fatt hija ħaġa naturali għalina bħala bnedmin tad-demm u l-laħam li lit-tfal nieħdu ħsiebhom, nagħtu l-kenn li dawk it-tfal li jisfaw weħidhom għax ikunu ntilfu jew infirdu minn mal-ġenituri tagħhom u li jkunu esposti għall-abbuż u għal isfruttament. Saħansitra l-annimali wkoll jagħmlu l-istess ħaġa.

Tifel li jkun intilef nagħmlu minn kollox biex inwennsuh u dan mingħajr ma noqgħodu naħsbuha darbtejn.

Byron Camilleri ma nafx eżattament kif jaħsibha. Iżda li huwa ċert hu li l-politika li qed imexxi, hu u jitbissem quddiem il-kameras tat-televiżjoni, hi waħda kiefra.

Dan l-aħħar tkellem dwar il-każ tal-immigranta Ġorġjana li tinsab f’nofs battalja legali  biex binha ma jitkeċċiex minn Malta. Mhux qed tintalab it-tkeċċija tal-omm mill-pajjiż. Iżda d-dħul finanzjarju tagħha huwa meqjus bħala wieħed li huwa baxx wisq biex tkun tista’ ssostni lil binha wkoll.

“Il-liġijiet qegħdin hemm,” stqarr Byron Camilleri, “u dawn jeħtieġ li noqgħodu għalihom”. Madankollu kemm huma ġusti dawn il-liġijiet?

Byron Camilleri qed igħid li ma nistgħux noqgħodu nħajjru lin-nies biex jiġu Malta u jgħixu hawn fil-għaks.

Il-Ministru qed iqarraq. Il-gvern tiegħu jinsab kuntent li jilqa’ lill-immigranti fil-pajjiż jekk dawn jiġu biex iseftrulna, jsajjrulna, jnaddfulna d-djar u t-toroq tagħna u jduru bina fl-isptarijiet kemm il-darba inżommuhom igħixu fl-għaks u nħallsuhom bis-sittiet. Il-liġijiet tagħna dan kollu jippermettuh.

Sakemm ikunu qed iseftrulna, ma rriduhomx li jnisslu t-tfal. U jekk inisslu t-tfal qabel jiġu hawn, ma rridux lit-tfal imdendlin ma’ djul il-ġenituri tagħhom. Għaliex jekk inisslu t-tfal f’Malta, jkollhom id-dritt għas-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, li jgħixu ħajja diċenti u forsi anki drittijiet politiċi. Lill-immigranti ma rridux li jkollhom drittijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi. Irriduhom biss li jaħdmu għalina u li jitħallsu bis-sittiet.

F’pajjiżhom, l-ulied jistgħu jgħixu fil-għaks. Iżda jekk ma jkunux kibru biżżejjed biex iseftrulna u jnaddfulna ħmieġna, f’Malta m’hawnx post għalihom.

Nieħdu l-każ ta’ dawk is-7 subien li ġew salvati mill-għarqa fl-ibħra tagħna flimkien ma’ 40 raġel li nqaflu għal xhur sħaħ f’post mudlam. Dawn ma ngħataw ebda kura u kellhom joqgħodu jistennew saħansitra anki biex jużaw loki espost għal loki ieħor użat mill-irġiel. Instemgħat xhieda f’proċessi formali, ġie rikonoxxut il-fatt li dawn huma minorenni u kollox baqa’ kif kien sakemm grupp ta’ avukati mqabbdin mill-Aditus talbet u akkwistat l-intervent tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din il-Qorti fakkret lill-gvern Malti li jinsab fid-dmir li lit-tfal iwennishom u mhux jaħqarhom.

Għaliex, mid-dehra, l-gvern tagħna jeħtieġ li jkollu min ifakkru.

Bħal donnu li l-kefrija tal-gvern issa drajniha. Anki meta l-vittmi tagħha jkunu għadhom tfal. Qed ninjoraw il-karbiet tat-tfal mifrudin minn mal-ġenituri tagħhom. U meta t-tfal ikunu mal-ġenituri, qed nifirduhom minn magħhom.