Intqal ħafna u nkitbu patafjuni hekk kif feġġet l-aħbar li Clayton Bartolo, qiesu mhux hu, għażel li jattendi għal logħba tal-futbol bejn skwadra li tirrappreżenta l-kostitwenza tiegħu u l-Manchester United liebes gakketta bl-arma tal-iskwadra Ingliża.

F’dawn il-ġranet, l-inċident kien is-suġġett ewlieni li qajjem kjass fil-pajjiż. Kien hemm min stqarr li Clayton Bartolo għadu mwaħħal fiż-żmien ta’ meta Malta kienet għadha kolonja u li, bħal dawk il-waħdiet li kienu naqsu li jqumu bil-wieqfa bi protesta u jkantaw l-innu nazzjonali waqt partita li dwarha Rużar Briffa kien ispirat jikteb poeżija, għażel li jżomm mal-“barrani”.

Dan l-inċident ma kienx frott ta’ mentalità ta’ lagħqiżmu kolonjali kollettiv. Clayton Bartolo m’huwiex influwenzat mill-mentalità li kienet teżisti f’pajjiżna għexieren ta’ snin qabel twieled hu u ċertament m’huwiex ilsir intellettwali tal-madmad kolonjali li snin ilu kien hawn f’Malta.

Iżda lanqas m’għandi l-iċken dubju li Clayton Bartolo huwa ċuċ u mbeċilli tal-prima klassi. Bniedem li tlibbes żarbun li qajla jiġieh.

Meta libes ġakketta bl-arma tal-iskwadra opposta, Clayton Bartolo wera’ li mhux biss hu bniedem żleali. Ngħiduha kif inhi, ma naħsibx li t-tfajliet Karkariżi ġiethom f’rashom li Bartolo libes il-ġakketta tal-Manchester United għax forsi kien għadu qed iħoss it-telfa tar-Reġina. M’għandix dubju li huma u jaraw din il-pantomima, fl-istess waqt intebħu li Clayton Bartolo m’għandux il-ħila jipprevedi x’ser ikunu r-reazzjonijiet għall-għażliet jkun għamel.

Ta’ baħnan li hu, ssokta jħaffer il-ħofra hekk kif tella’ l-kitba li ġejja fil-Facebook:Min b’xi mod ħassu urtat nesprimi s-sensittività tiegħi.” Min jaf x’ried igħid biha kitba bħal din?

Nemmen li r-rispett politiku ma jitkejjilx b’ġakketta li tilbes għal partita ta’ 90 minuta,” kompla jħażżeż, hu u jtaptap fuq spallejh u jiftaħar bix-xogħol importanti li jwettaq, ikunx liebes flokk tal-Manchester United jew le.

Min jaf? Forsi għad tiġih f’rasu li għall-uffiċċju jilbes flokk bil-kliem “We’re Ready for Eddie” jew inkella jxidd xi uniformi pulita tal-Waffen SS għall-home visits.

Għaliex, skont hu, mhux l-ilbies igħodd.

Clayton Bartolo: Imbeċilli. Ċuċ. Baħnan.