Illum saret laqgħa ta’ konsultazzjoni msejħa mill-Kumitat ta’ Esperti li kien ħatar il-gvern madwar 13 il-xahar ilu biex jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-mod kif għandhom jitwettqu r-rakkomandazzjonjiiet tal-Imħallfin tal-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u dan bil-għan li tiġi mħarsa l-libertà tal-kelma f’Malta.
Ippermettuli nfakkar kif wasalna s’hawn.
Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata fis-16 ta’ Ottubru 2017. Aktar tard sirna nafu li nqatlet minħabba x-xogħol tagħha bħala ġurnalista. Dawk li kienu nkixfulhom għawwarhom baqgħu jgawdu mill-impunità u nħolqot atmosfera li fiha l-assassini tagħha komplew jagħmlu l-arja bil-libertà kollha. Naf li dan kollu diġà tafuh. Iżda dan ktibtu għaliex kien l-assassinju ta’ Daphne li mhux biss wassal biex inbeda’ d-dibattitu dwar ir-riforma fix-xandir u fil-ġurnaliżmu f’Malta iżda, paradossalment, kien ukoll il-qofol ta’ snin ta’ abbużi, ta’ intimidazzjoni u ta’ vjolenza finanzjarja, legali u psikoloġika li kienet sofriet Daphne Caruana Galizia. Din il-vjolenza kollha ma kienitx tqieset bħala waħda li kienet drammatika biżżejjed biex titnieda diskussjoni dwar il-mod kif għandhom jinbidlu l-liġijiet bil-għan li Daphne titħalla taħdem mingħajr il-biża’ li tiġi eliminata fiżikament. Kellu jkun l-assassinju tagħha li wassal għad-dibattitu li jinsab għaddej.
Imbagħad saret l-inkjesta dwar l-assassinju tagħha li elenkat il-perikli li l-ġurnalisti jsibu ma’ wiċċhom huma u jaħdmu f’dan il-pajjiż. Perikli li tant huma serji li wasslu għall-assassinju ta’ ġurnalista. Dan ma jistax ħlief ifisser li d-destin tal-ġurnalisti kollha jinsab marbut ma’ dak ta’ ġurnalista waħda.
L-Imħallfin tal-inkjesta temmew ix-xogħol tagħhom f’Lulju 2021 u l-gvern baqa’ b’idejh fuq żaqqu għal xhur sħaħ u dan sakemm l-Oppożizzjoni fasslet abbozzi ta’ liġijiet bil-għan li jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin. Dawn l-abbozzi twarrbu mill-gvern. U biex jidhru “pożittivi” ħatru Kumitat ta’ Esperti li, skont il-gvern, kellu jeżamina oqsma speċifiċi ħafna tar-riformi li rrakkomandaw l-Imħallfin. Oqsma li l-gvern ried li jibda’ bihom.
Il-president tal-Kumitat tal-Esperti, Michael Mallia – jiġifieri l-istess bniedem li mexxa’ l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne – llum spjega li f’Ġunju 2022 huwa bgħat lista lill-gvern ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet li l-gvern ried li jagħtihom prijorità. Għal 3 xhur sħaħ baqa’ ma sema’ xejn mingħand il-gvern.
Imbagħad, bħal sajjetta fil-bnazzi, l-Ministru Jonathan Attard bgħat għall-esperti u qalilhom li kien bi ħsiebu jxandar abbozzi dwar tibdiliet fil-liġijiet li bis-saħħa tagħhom kienu ser jitwettqu 87% tar-rakkomandazzjonijiet li kienu saru. L-esperti tgħidx kemm ferħu.
U dan sakemm Jonathan Attard sejjaħ konferenza stampa biex iħabbar ix-xandir tal-abbozzi tal-liġijiet, liema abbozzi l-esperti stess u aħna lkoll kellna l-opportunità li niflu għall-ewwel darba dak li l-gvern kellu f’moħħu li jagħmel.
Huwa minnu li 13% biss tar-rakkomandazzjonijiet kienu twarrbu. Iżda lkoll tbellaħna hekk kif intbaħna fiex kienu jikkonsistu dawn it-13%. Immaġinaw li tkunu ġejtu mistiedna għal ikla tal-Milied biex idduqu d-dundjan imsajjar. Iżda mbagħad ssiru tafu li l-laħam tad-dunjan twarrab mill-menù. U jservukom biss platti mimlijin ħaxix u zalza tal-ħobż.
Il-president tal-Kumitat ta’ Esperti Michael Mallia llum stqarr li hu, flimkien mal-membri tal-kumitat tiegħu, kienu ġew kritikati talli kienu naqsu li jikkonsultaw mal-pubbliku qabel għaddew biex ippreżentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom. Tabilħaqq kien hemm kritika qawwija u jien kont fost dawk li għamlu l-kritika. Iżda llum nammetti li din il-kritika ma kienitx f’lokha. Kif illum spjega ċar Mallia, l-Kumitat ta’ Esperti qatt ma kien ingħata l-awtorità biex jiddeċiedi dwar il-kontenut tal-abbozzi tal-liġijiet. Setgħu biss jippruvaw jipperswadu u tħallew fil-għama dwar dak li ried iwettaq il-gvern. Gvern li wera’ li ried jagħmel fattih biss.
Il-gvern ukoll ħass il-pressjoni tal-kritika qawwija li kienet saret dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni iżda ma kienx bi ħsiebu jammetti li kien żgarra. U, minn fuq, il-gvern waħħal fil-Kumitat tal-Esperti talli dawn – skont il-gvern – naqsu li jikkonsultaw. Għaldaqstant talabhom biex jikkonsultaw u jissottomettu rakkomandazzjonijiet riveduti.
Affarijiet li bilkemm jitwemmnu! Il-Kumitat tal-Esperti – fil-fehma tiegħi bl-aktar mod ġenwin – aċċetta li jagħmilha tal-kuntrattur għall-gvern u daħal flok il-ministru, flok il-ħaddiema ta’ taħtu u flok l-awtoritajiet nazzjonali biex jisma’ dak li kellhom x’igħidu l-ġurnalisti u tas-soċjetà ċivili dwar it-tibdiliet li għandhom isiru fil-liġijiet li jolqtuhom direttament u li jolqtu t-tħaddim tad-demokrazija.
Għandi ngħid li r-rieda tajba m’hix skuża għaliex il-kumitat li llum qed iniedi l-konsultazzjonijiet m’għandux l-iċken idea liema 13% mir-rakkomandazzjonijiet li ser jagħmlu ser jitwarrbu mill-gvern. Li hemm agħar huwa l-fatt li, huma u jdaħħlu tibdiliet kożmetiċi u ineffettivi għal-liġijiet jew tibdiliet li ser jirrendu aktar iebsa l-ħajja għall-professjoni tal-ġurnalisti f’Malta, ser ikollhom il-wiċċ imorru jgħidu li t-tibdiliet li ser isiru huma frott il-konsultazzjonijet li saru.
Lanqas biss indenjaw ruħhom jattendu għal laqgħa ta’ konsultazzjoni. Il-Ministru Jonathan Attard bgħat igħid li kien sar jaf bil-laqgħa tard wisq u ma setax iħassar l-appuntamenti li kellu. Ngħid jien, il-gvern ma setax bgħat wieħed mill-konsulenti legali u riċerkaturi tiegħu biex isir jaf x’qed jipproponu l-ġurnalisti u l-membri tas-soċjetà ċivili dwar liġijiet li suppost qegħsin hemm biex ma jseħħux assassinji b’karrozzi-bomba fid-dawl tax-xemx ta’ ġurnalisti li jistgħu ikunu l-kawża ta’ skumdità għalih?
Il-verità hi li l-gvern kuntent jarana nitħaddtu ma’ xulxin dwar kif għandna ntejjbu l-ħarsien tal-ġurnalisti, iżda fl-aħħar mill-aħħar nafu li xorta waħda ser jagħmel fattih, nitħaddtu kemm nitħaddtu.
L-Unjoni Ewropea qed taħdem fuq sensiela ta’ direttivi li, ġaladarba jiddaħħlu fil-liġijiet, fit-teorija għandhom iġiegħlu lill-gvern itejjeb materjalment l-ambjent li fih ikollhom jaħdmu l-ġurnalisti. Iżda dan il-gvern għandu ħabta li d-direttivi Ewropej idaħħalhom fil-liġijiet b’mod li jiħgura li dawn ma jkunux jistgħu jitħaddmu u jitwettqu fil-prattika. Eżempju klassiku huwa l-mod kif iddaħħlet il-liġi dwar il-Whistleblower. Għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, kull min jitlob li jingħata status ta’ whistleblower jkun effettivament qed jirriskja li jintbagħat il-ħabs sempliċement biss għaliex ikun talab li jingħata dan l-istatus.
Biżżejjed insemmu l-abbozzi ta’ liġijiet li xandru f’Settembru li għadda mingħajr ma kkonsultaw ma’ ħadd. Jitkellmu u jabbozzaw dwar l-importanza tal-ġurnaliżmu għad-demokrazija tagħna iżda mbagħad idaħħlu l-emendi f’artiklu 2 tal-Kostituzzjoni li ma jagħti protezzjoni ta’ xejn għaliex ebda qorti ma tista’ tinforzahom.
Sadattant l-istess tibdiliet li qalulna li għandhom itejbu l-libertà ġurnalistika, ser jagħtu lill-gvern id-dritt li jgħasses fuq il-ġurnalisti – suppost għas-sigurtà tagħhom stess – u dan mingħajr ma jkun hemm ħadd li jgħarbel dak li jagħmel il-gvern (bħal xi mħallef jew kumitat parlamentari) u l-ġurnalist ma jingħata ebda ħjiel li jkun qed jiġi ngħasses minn xi aġent sigriet tal-gvern jew – jekk jogħġobkom emmnuni dwar dan – minn xi membru tal-militar. Affarijiet bħal dawn kienu jseħħu wara l-purtiera tal-ħadid.
It-tibdiliet li qed jipproponu fil-liġijiet ser iservu ta’ twissija għall-ħaddiema tas-servizz ċivili li jkollhom jiffaċċjaw konsegwenzi gravi kemm il-darba jgħaddu informazzjoni lill-ġurnalisti. Għaliex, tafu intom, b’hekk biss inkunu nistgħu nwerwru lil min ikun xhud ta’ illegalitajiet u ta’ korruzzjoni. Meta l-gvern jitkellem dwar il-ħarsien tal-whistle-blowers, ikun qed igħaddina mill għajn il-labra.
U biex ikun jista’ jsikket lill-ġurnalisti, l-gvern qed jipproponi dak li qed isejjaħ bħala liġijiet anti-SLAPP. Bħala wieħed li kemm il-darba kien vittma ta’ proċeduri bħal dawn, għandi seba’ mitt sena li jkolli l-opportunità li lill-gvern ngħidlu f’wiċċu biex ma jippruvax jgħaddini biż-żmien. Il-liġi anti-SLAPP tidħol fis-seħħ biss meta l-ġurnalist jissottometti talba fil-qorti fejn oriġinarjament tkun saret il-kawża. Dan ifisser li jekk tiġi mħarrek fl-Istat ta’ Arizona – kif kienet ġiet imħarrka Daphne – ikollna problema, hux hekk?
Dawn mingħalihom li jkunu qed iħarsu lill-ġurnalisti bid-dħul ta’ klawsola dwar iċ-ċaħdiet ta’ kawżi ta’ libell, mhux għax dawn ikunu vessatorji, iservu biex jintimidaw jew b’mod strateġiku jippruvaw jeqirdu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, iżda għax ikunu “manifestament infondati”. Bħal dak li qallu għad ikun hawn xi ħadd li jagħmel kawża “manifestament infondata” kontra xi ġurnalist bil-għan li jwerwruh!
Għaldaqstant l-abbozz li ilu li nħema minn Settembru li għadda ma jiswiex karlin. Dan l-abbozz saħansitra jħalli barra u jonqos li jittratta kwistjonijiet importanti li ġew identifikati mill-Imħallfin tal-inkjesta. Kwistjonijiet li jittrattaw dwar il-protezzjoni effettiva tal-ġurnalisti sabiex dawn jitħallew iwettqu x-xogħol tagħhom mingħajr xkiel. Il-gvern għadu lanqas biss beda’ jiddiskuti r-riforma fil-liġijiet dwar il-libertà tal-informazzjoni, dwar kif l-infiq tal-gvern fil-mezzi tax-xandir għandu jiġi regolat, dwar kif ir-regolamenti għandhom jitjiebu sabiex ix-xandir jinħeles darba għal dejjem mill-propaganda partiġġjana, dwar kif għandhom jitħarsu tassew il-whistle-blowers b’mod speċjali dawk li jaħdmu fi ħdan il-gvern u dwar kif għandu jkun regolat u mgħarbel ix-xandir pubbliku.
S’issa ħadd mill-gvern għadu tniffes dwar dawn is-suġġetti. Il-Kumitat ta’ Esperti qed jittama li dawn il-kwistjonijiet għad jiġu trattati fil-ġejjieni. Mhux aħjar tifħtu ftit għajnejkom? Għaddew 6 snin mill-assassinju ta’ Daphne u għadna qed nitkellmu dwar l-ewwel kapitlu tar-riformi li diġà kien messhom daħlu meta kienet għadha ħajja. Li kienu dawn iddaħħlu meta kellhom jiddaħħlu, Daphne kienet tkun imħarsa mill-ambjent tossiku li nibbet dan il-gvern.
Il-gvern qed juri m’għandux għaġġla jdaħħal it-tibdiliet li mal-mogħdija taż-żmien qed isiru dejjem aktar urġenti. Illum il-Kumitat ta’ Esperti għamel analiżi tal-abbozzi ta’ liġijiet li xxandru f’Settembru li għadda u ġibed l-attenzjoni għall-għibien tad-dundjan mill-mejda tal-ikla tal-Milied. Naf fiċ-ċert għax rajt b’għajnejja li din l-analiżi ilha li tlestiet minn Ottubru.
Dan ifisser li inħlew erba’ xhur sħaħ. M’jinix inwaħħal fil-Kumitat ta’ Esperti. Ma kienx xogħolu li jimbotta. Il-gvern għandu responsabbiltajiet fil-konfront tal-pajjiż. Meta l-Imħallfin tal-inkjesta tkellmu dwar in-nuqqasijiet u fallimeti tal-istat, kienu qed jitkellmu fuq in-nuqqasijiet u dwar il-fallimenti tal-gvern. Fix-xhur u s-snin ta’ qabel is-16 ta’ Ottubru 2017 ma sar xejn dwar dawn in-nuqqasijiet u dwar dawn il-fallimenti. U minn dakinhar ‘l hawn, il-gvern baqa’ xorta waħda m’għamel assolutament xejn.
Issa għandhom il-wiċċ sfiq li jwaħħlu fil-Kumitat ta’ Esperti. Kumitat li qed jaqla’ fuq rasu mill-ġurnalisti u mis-soċjetà ċivili minħabba n-nuqqasijiet u l-fallimenti tal-gvern.
Il-verità hi li l-gvern m’għandu ebda intenzjoni li jdaħħal tibdiliet fil-liġijiet li jkunu tibdiliet effettivi tabilħaqq li jħarsu l-libertà ġurnalistika.
Li kieku kien minnu li l-gvern iqis lill-ġurnaliżmu ħieles bħala pilastru ewlieni tad-demokrazija, kien ikun huwa stess li jieħu l-inizjattiva biex, flimkien mal-ġurnalisti, jiddiskuti r-riformi li huma meħtieġa biex f’pajjiżna l-ġurnalisti jħossuhom liberi li jwettqu x-xogħol tagħhom mingħajr biża’.
Il-gvern dan ċertament mhux ser jagħmlu. Boloħ huma dawk li jibqgħu jittamaw.