Karl Cini mingħalih li għadda mill-għarbiel. Il-ħames kmandamenti jafhom kollha bl-amment. Karl bniedem ubbidjenti u leali. Jemmen fl-unur u allaħares tmur tgħidlu li m’huwiex kburi bix-xogħol li jagħmel.

Il-ħames kmandament huwa s-skiet. Il-ġurament tal-omertà. Dak li hu ta’ ġewwa għandu jibqa’ ġewwa. Mal-awtoritajiet m’għandekx ikollok x’taqsam. M’għandek qatt tgħaddilhom informazzjoni. Jekk tikxef, jidfnuk ħaj. Is-sigrieti tal-familja għandhom jibqgħu misturin. Għaliex jekk tipprova ssalva ġildek u tiskansa l-ħabs, tkun qed tilgħabha mal-mewt. M’hemmx eċċezzjonijiet. M’hemmx skużi. Jekk tparla, tikolha u tħallas bil-mewt.

Din l-istorja m’hix xi parodija bħal ta’ New Jersey. M’hix każ ta’ bniedem li ma jibżax li jintbagħat il-ħabs għax ikun ammetta s-sehem tiegħu f’konġura kriminali.

Li kieku kellu jevita li jintbagħat il-ħabs, Karl Cini jibża’ mill-konsegwenzi għalih personali. L-avukat ta’ Cini jista’ jkompli jwerżaq kemm irid li l-klijent tiegħu huwa preżunt innoċenti.

Għaliex Karl Cini huwa ħati.

Kulħadd jiftakar iċ-ċirkostanzi li fihom għall-ewwel darba konna sirna nafu bl-isem ta’ Karl Cini. Konna smajna b’numru ta’ e-mails li fl-2013 kien bgħat lill-kollegi tiegħu fil-Panama li permezz tagħhom kien talab li jinħolqu kumpanniji sigrieti f’isem Konrad Mizzi, f’isem Keith Schembri u f’isem persuna li isimha baqa’ mistur.

Skond il-fehma tal-Maġistrat li mexxa’ inkjesta dwar jekk sid it-tielet kumpannija kienx Joseph Muscat, Karl Cini nqabad fil-gideb.

Imbagħad konna smajna b’isem Karl Cini hekk kif inkixfu aktar e-mails li kien bgħat lill-kollegi tiegħu fil-Panama li permezz tagħhom infurmahom li l-kumpanniji Panamiżi ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi kellhom jirċievu flejjes mingħand kumpanniji oħrajn li aktar tard sirna nafu li kienu reġistrati f’isem il-kunjata ta’ Cheng Chen u f’isem Yorgen Fenech.

Konna sirna nafu wkoll li l-emails li kien bgħat Karl Cini m’huma xejn ħlief prova ta’ konġura kriminali u ta’ tixħim li seħħ biex jiġi akkwistat kuntratt pubbliku. Il-pulizija baqgħet ma ħaditx passi bil-qorti minkejja l-provi li għandha f’idejha ta’ dan id-delitt kriminali. Iżda anki fil-każ tal-iskandlu tal-Electrogas, il-pulizija u l-avukat ġenerali ma setgħux ma jmexxux bil-qorti li kieku Karl Cini kiser is-silenzju tiegħu.

Karl Cini jaf sewwa li l-klijenti tiegħu huma nies li jaslu u jaf x’inhuma kapaċi li jagħmlu kemm il-darba jinkixfu. Meta kienet ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia, l-assassini tagħha riedu jbeżżgħu mhux biss lill-ġurnalisti. Riedu wkoll iwissu lil dawk kollha li jafu bit-taħlita li kien hemm f’borma tbaqbaq. Karl Cini kellu għajnejh miftuħin beraħ. U tgħallem.

Is-skiet perfett ta’ Karl Cini jwassalna biex nikkonkludu li huwa ħati.

U jwassalna biex nikkonkludu wkoll li dawk li huwa beżgħan minnhom – jiġifieri l-manigoldi li kienu qabbduh jaħdmilhom – huma ħatja wkoll.