Forsi hawn ser naqdef xi ftit kontra l-kurrent, iżda ma nħossx li l-qtugħ tad-dawl għal madwar 45 minuta f’maltemp qawwi aktar mis-soltu bħalma kellna f’dawn il-ġranet għandu jwassal biex ikollna kriżi nazzjonali kbira. M’hix ħaġa ta’ barra minn hawn li, f’perijodu ta’ maltemp straordinarju, l-infrastruttura tal-enerġija tista’ ċċedi taħt pressjoni.

Fil-ġejjieni x’aktarx ser ikollna aktar żminijiet ta’ maltemp mhux tas-soltu bħal dawn. U maltemp mhux tas-soltu ser isir inqas straordinarju. Għaldaqstant għandna nkunu dejjem imħejjija b’infrastruttura li tiflaħ għal dawn il-pressjonijiet.

Iżda jibqa’ l-fatt li l-qtugħ tad-dawl f’nofs maltempata m’huwiex xi diżastru katastrofiku.

Affarijiet bħal dawn jiġru, b’mod partikolari kull meta tagħmel xita qawwija.

Naf ukoll li kien hawn inħawi fil-pajjiż fejn id-dawl dam maqtugħ għal aktar minn 45 minuta. Iżda hawn m’jinix nagħmel rapport dwar xi awtopsja. Qiegħed biss nipprova nifred dak li bi ħsiebni nikteb mit-taparsi rabja li juru x’uħud meta jtellgħu ritratti ta’ mixgħela ta’ xemgħat tal-funerali hekk kif jinqata’ d-dawl.

Madankollu għandna raġun li nirrabjaw u li nitbaqbqu kull darba li l-gvern jipprova jgħaddina biż-żmien permezz tal-gideb. Għaliex jidher li kull diżastru – żgħir kemm ikun żgħir – lil uħud jagħtihom l-opportunità li jġibu ruħhom l-istess bħalma kienu jġibu ruħhom il-propagandisti tas-Super One madwar 12 il-sena ilu.

Skont tal-Enemalta – jiġifieri skont il-gvern – żviluppat ħsara fil-cable li jgħaqqad lil Malta mas-sistema tal-enerġija ta’ Sqallija. Din il-“ħsara” s’issa ħadd għadu ma spjega fiex kienet tikkonsisti. Il-biċċa l-kbira tal-cable tinsab f’qiegħ il-baħar u hi mħarsa mill-maltemp bis-saħħa tal-fatt li tinsab taħt fond ta’ metri kbar ta’ ilma baħar. Tista’ ssirilha l-ħsara minn xi ankra jew sforz xi terremot jew tsunami. Iżda ma ngħatat ebda spjegazzjoni dwar il-misteru dwar kif xita, riħ u kurrenti tal-baħar qawwijin setgħu jwasslu biex, għal xi ħin, jinqata’ d-dawl u dwar kif id-dawl f’daqqa waħda reġa’ ġie.

Il-kelliem tal-PN dwar dan il-qasam, li huwa wkoll inġinier, xela’ lill-gvern b’gideb sfaċċat u spjega kollox b’loġika raġunata li saħansitra anki jien nasal biex nifhimha.

Kien x’kien li “seta'” seħħ lill-cable tal-interconnector sforz il-maltemp, nafu x’ikkaġuna l-maltemp lill-power station tal-Electrogas, li huwa s-sors l-ieħor li jipprovdilna l-enerġija. L-impjant tal-Electrogas għandu difett li jidher fi ħdan id-disinn tiegħu: kull darba li l-maltemp jilħaq lill-port ta’ Marsaxlokk mid-direzzjoni tad-daħla tal-port, il-bastiment li jintuża għall-ħażna tal-gass u li jforni l-gass lill-power station ikollu jsalpa minn mal-moll u jitressaq lil hinn mill-kosta bħala miżura ta’ sigurtà.

Hekk ġara’ għax rajna kollox b’għajnejna. Għaldaqstant nafu li, matul il-maltemp li kellna l-power station tal-Electrogas kellha tintefa’ u stajna biss nieħdu d-dawl mill- interconnector ta’ Sqallija.

U ma tridx tkun xi għaref mustaċċun biex tintebaħ li, f’ħin li matulu l-power station tal-Electrogas ma setgħetx tintuża, tant ħaddimna lill-interconnector biex ikollna servizz tad-dawl li lill-istess interconnector għabbejnieh iżżejjed u spiċċajna bla dawl.

Id-dawl inqata’ mhux minħabba l-interconnector, iżda minħabba n-nuqqasijiet fid-diżinn tal-power station tal-Electrogas. Power station li ma jistax jitħaddem meta fuq Malta jonfoħ b’qawwa l-grigal.

Allura l-gvern għaliex waħħal fl-interconnector? Il-gvern għaliex ma qalilniex ċar u tond u bla tlaqliq li kull meta jonfoħ b’qawwa l-grigal, jista’ jagħti l-każ li jinqata’ d-dawl għaliex is-sistema tad-distribuzzjoni tal-enerġija hi dik li hi (għax il-power station tal-Electrogas ma tkunx tista’ titħaddem) u li ser tibqa’ dik li hi sakemm ikollna interconnector ieħor?

Dan kollu ma jgħiduħx għal raġunijiet partiġġjani u infantili. L-interconnector, li kien proġett tal-gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi – proġett li ebda propagandist bħal Miriam Dalli m’hu ser jammetti li allaħares ma sarx – ma jintefiex kull darba li jkun hemm maltemp qawwi.

Mill-banda l-oħra l-power station tal-Electrogas, li jkun jeħtieġlu jfittex il-kenn kull darba li tagħmel xi grigalata, kien nibet fl-imħuħ ta’ Joseph Muscat u ta’ Konrad Mizzi. U ebda propagandist imħallas mill-istat bħal Miriam Dalli m’hu ser jasal biex jammetti li dawn kienu għamlu qassata kbira.

Illum Miriam Dalli hi l-ministru tal-enerġija. L-istess Miriam Dalli propagandista tas-Super One. L-istess Miriam Dalli assistenta ta’ Konrad Mizzi.

Jekk, f’nofs maltempata kbira, jinqatali d-dawl għal xi siegħa, naf li ser ikolli nuża d-dawl tal-mobile biex nilmaħ il-kitla f’armarju mudlam biex inkun nista’ nagħmel belgħa tè. U dan jien u niżġura li ma tidħolx il-kesħa minn xi xaqq fit-twieqi ta’ dari. Fi kliem ieħor, ikolli nieħu paċenzja.

Iżda meta l-gvern jigdibli f’wiċċi, dan m’huwiex aċċettabbli.

Nafu li l-power station tal-Electrogas intefa’ hekk kif il-bastiment li jfornih bil-gass salpa ‘l barra. Tista’ l-Enemalta issa tgħidilna xi ġralu eżatt l-interconnector? U jekk kien każ ta’ overload temporanju għax il-power station tal-Electrogas ma setax jintuża sforz il-maltemp, ma messhomx qalu l-verità mill-bidu nett?