Anki li kieku kien minnu li Adrian Delia qatt m’għamel xejn ta’ ġid f’ħajtu – u din m’hi xejn ħlief stqarrija retorika – illum, u tul dawn l-aħħar ħames snin sakemm wasalna għas-sentenza li ngħatat dalgħodu mill-qorti, għamel opra kbira b’riżq in-nazzjon tagħna. Saħansitra anki l-gvern għandu għaliex ikunlu grat. Minkejja l-fatt li llum kulħadd jidher li fehem li l-bejgħ ta’ tliet sptarijiet lill-ħbieb misterjużi ta’ Joseph Muscat kien wieħed mill-aktar kuntratti korrotti li qatt saru fl-istorja ta’ pajjiżna, wieħed ma jistax ma jfaħħarx il-kuraġġ li wera’ Adrian Delia meta għamel il-kawża.

Meta kien iddeċieda li jagħmel il-kawża biex l-isptarijiet jitneħħew minn idejn il-werrieta tal-Vitals, jiġifieri Steward, huwa kien ġie mwissi li kemm il-darba ma jirnexxilux li jirbaħ il-kawża, seta’ jiġi mħarrek minn Steward biex iħallas il-valur tal-kuntratt. Hawn m’aħniex nitkellmu fuq sold jew tnejn. Iżda fuq ammont li la Adrian Delia u lanqas ħadd ma jkun jista’ jlaħħaq miegħu.

Baqa’ ma ċediex u rebaħ. Illum Adrian Delia ċertament jitħoqqlu l-gratitudni taċ-ċittadini Maltin.

Anki l-Imħallef Francesco Depasquale jistħoqqlu l-gratitudni tagħna. Dan ra dak kollu li konna rajna matul dawn l-aħħar seba’ snin. La tal-Vitals u lanqas Steward ma wettqu l-wegħdiet li kienu għamlu Joseph Muscat u Konrad Mizzi lill-pajjiż dakinhar li s-servizz tas-saħħa f’Malta kienu qasmuh fi tnejn biex setgħu jwettqu politika mill-aktar anti-soċjalista li wieħed qatt jista’ jimmaġina billi s-servizz tas-saħħa tal-poplu għaddieh f’idejn in-negozjanti.

Illum għandna ċertifikat minn Imħallef tal-qorti. Għandna ċertifikat mill-qorti li jgħid li Adrian Delia kellu kull dritt li jagħmel il-kawża u dan għaliex kuntratt mibni fuq il-korruzzjoni u fuq il-frodi ma jgħoddx. Għandna ċertifikat mill-qorti li l-gvern kien ħaġa waħda u ġab ruħu fl-interess tar-reddiegħa ħallelin “minflok fl-interess tal-poplu”. Għandna ċertifikat mill-qorti li estensjonijiet u l-konċezzjonijiet li ta Konrad Mizzi lil Steward “m’hemmx spjegazzjoni għalihom”.

Ċertifikat ta’ importanza kbira.

Għaliex meta dwar dan kollu konna ġbidna l-attenzjoni tal-pulizija u tal-avukat ġenerali, dawn kienu wieġbu li “provi m’hemmx”. U issa l-qorti għadha kemm qalet li l-kuntratt tal-Vitals/Steward ma kien xejn ħlief ħadma.

Il-qorti ma setgħetx tagħmel aktar milli għamlet. Iżda dan mhux biżżejjed. Din m’hix il-ġustizzja li jistħoqqlu pajjiżna.

M’huwiex minnu li “m’hemmx spjegazzjoni” għall-imġieba ta’ Joseph Muscat u ta’ Konrad Mizzi. Spjegazzjoni hemm fuq li hemm. Dawn m’humiex xi żewġ “dilettanti” – kelma li wżat il-qorti hi u tfisser l-imġieba tal-gvern imexxi minnhom f’dan il-każ. Dawn kienu abbużaw mis-setgħa u l-abbuż tagħhom sewa’ l-mijiet tal-miljuni lill-poplu. Minflok żammew mal-morda Maltin, żammew mal-ħallelin u reddiegħa ta’ demmhom. Malta issa għandha dritt titlob li dawn il-flejjes jintraddu lura u l-gvern jinsab fi dmir li jara li dawn jintraddu lura.

Hemm ukoll kwistjoni oħra, li hi wkoll kwistjoni ta’ serjetà kbira. Illum il-qorti qalet li l-kuntratt kien wieħed frawdolenti. Il-frodi ma sseħħx kumbinazzjoni. Il-frodi sseħħ għaliex tkun twettqet minn nies. Skont il-qorti, Vitals u Steward “kienu qarrqu”. Iżda l-ministri tal-gvern, ibda’ b’Joseph Muscat u kompli b’Konrad Mizzi, baqgħu m’għamlu xejn biex ixejjnu dan il-qerq. Kien Adrian Delia li ħa l-passi li kellu jieħu.

U għaliex baqgħu m’għamlu xejn kontra l-Vitals u Steward, huma kompliċi.

Il-gvern preżenti wkoll jaħti. Chris Fearne, minkejja li kien jaf bil-ħmieġ kollu, jrid jagħtina x’nifhmu li hu ma kellu xejn x’jaqsam u li kien Konrad Mizzi li kien għadda l-kuntratt mingħad Vitals għal għand Steward. Skont hu, kien bis-spettatur fil-gallarija.  Dan m’hu veru xejn għaliex, dak iż-żmien, Fearne kien Ministru tas-Saħħa.

Chris Fearne kien pubblikament faħħar it-trasferiment u kien sejjaħlu bħala l-“kuntratt proprju”. Anki jekk m’huwiex kriminalment responsabbli daqs Konrad Mizzi talli lil Steward kien tahom kapparra llegali ta’ €100 miljun, għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għad-deċiżjoni tal-gvern li ma jwaqqax il-kuntratt ta’ trasferiment dakinhar li falliet il-Vitals u ppermettielhom jagħmlu profitt mit-trasferiment tal-kuntratt lil Steward.

Fis-sentenza tagħha l-qorti warrbet ix-xhieda li kien ta’ l-gvern fis-sens li ma kienx minnu li kien ġie deċiż li l-isptarijiet jingħataw lil tal-Vitals u dan saħansitra qabel ixxandru d-dokumenti tal-offerta. L-Imħallef stqarr dak Simon Busuttil kien ilu jħambaq fuqu sa minn qabel l-elezzjoni tal-2017: jiġifieri li Joseph Muscat, Chris Cardona (bħala ministru li taħtu kienet taqa’ l-Malta Enterprise) u Konrad Mizzi kienu gidbu lill-poplu Malti biex setgħu jċaħħdulu tliet sptarijiet u jgħadduhom f’idejn il-ħallelin.

Dan huwa s-suġġett ta’ inkjesta kriminali li Repubblika rsistiet dwaru fil-qorti, liema nkjesta għadha ma temmitx ix-xogħol tagħha. Aħna u nistennew, il-ġustizzja għadha ma saritx. Iżda issa għandna sentenza tal-qorti li sostanzjalment ikkonfermat dak li ilna nafuh: jiġifieri li seħħ delitt kriminali u li Joseph Muscat, Chris Cardona, Konrad Mizzi, u minħabba ċerti raġunijiet, anki Edward Scicluna għadhom sal-lum igħadduha lixxa.

Għad irrid nikteb aktar dwar dan.