Illum bosta huma dawk li ma għexux iż-żmien li matulu l-politika Maltija kellha lil Alfred Sant bħala politiku ewlieni. U l-bqija jinsew li għandhom ikunu grati talli m’għadhomx jiftakru żmienu. Il-bieraħ assistejna għall-aħħar att tiegħu fil-programm tar-radju ta’ Andrew Azzopardi, li xejn ma niżel għasel.

Bi ħsiebni nsemmi ftit mill-ħsibijiet filosofiċi li ħareġ bihom u dan mingħajr ebda ordni partikolari.

Huwa wera’ l-istmerrija tiegħu għal dak li sejjaħ bħala vizzju li qal li għandha Malta biex  dejjem jibqa’ jkollha l-feel-good factor u għal dan waħħal fil-prim ministri ta’ qablu jiġifieri Eddie Fenech Adami u t-tliet suċċessuri tiegħu, mingħajr ma inkluda lilu nnifsu. Ejja naraw x’ried ifisser b’dan.

L-ewwel nett, huwa naturali li l-bniedem jixxennaq favur sentiment li jġiegħlu jħoss il-feel-good factor. Din hi, wara kollox, ħaġa li hi minn ewl id-dinja. Iżda Sant kompla jiċċara ħsibijietu billi għamel kawlata. “Meta partit jieħu deċiżjonijiet iebsin iżda li jkunu importanti, l-partit l-ieħor dlonk iwiegħed li jirrevokahom,” stqarr Sant.

Jien m’jinix xi żagħżugħ. Iżda ħafna iżgħar minn Alfred Sant. Madankollu niftakar qiesu l-bieraħ lil Alfred Sant bħala Kap tal-Oppożizzjoni jwiegħed li se jneħħi r-restrizzjonijiet fuq il-kaċċa li kienu ddaħħlu fid-disgħinijiet. Niftakru jwiegħed lil tal-ħwienet li kien ser ineħħi l-VAT u l-cash registers. Niftakru joħroġ lil Malta mill-programm tal-Partnership for Peace tan-NATO. Niftakru jwiegħed li kien bi ħsiebu jirtira l-applikazzjoni ta’ Malta biex issir membru tal-Unjoni Ewropea. U, agħar minn dan, niftakar li kien wettaq il-wegħdiet tiegħu fl-aktar 22 xahar diżastrużi fl-istorja politika Maltija minn dakinhar li Gonsalvo Monroy kien għolla t-taxxi biex martu tkun tista’ tgawdi serra ġdida fil-ġnien tagħha.

Nista’ ngħid bla tlaqliq li Alfred Sant kompla kabbar il-pjaga tal-populiżmu rħis billi wiegħed politika tal-easy way out, għamel wegħdi lill-poplu li kienu manifestament foloz, meta kien wiegħed li malli jkun fil-gvern, se jkun jista’ jipprovdilna ġenna tal-art mingħajr ħlas ta’ taxxi u wiegħed ukoll li kellu l-ħila li jevita l-inevitabbli: jiġifieri l-kollass katastrofiku tal-gvern tiegħu u tal-vijabbiltà fiskali tal-amministrazzjoni tal-pajjiż u dan sakemm telgħu fil-gvern in-Nazzjonalisti u reġgħu refgħu lill-pajjiż minn xagħru.

Fl-intervista tal-bieraħ, qal ukoll ħaġ’oħra. Stqarr li kien ikun aħjar għal Malta li kieku ma sseħbitx fl-UE. Mistoqsi għaliex għamel stqarrija bħal din, huwa wieġeb li Malta marret tajjeb biss f’dawk l-oqsma fejn l-UE ma tikkmandax (jiġifieri l-gaming u t-turiżmu) u marret ħażin f’dawk l-oqsma li fihom l-UE għandha l-jedd li tindaħal (jiġifieri fl-agrikoltura u fil-manifattura).

Jien trabbejt f’familja Laburista u niftakar x’kienet ir-raġuni il-għala kont qlibt għal man-Nazzjonalisti. Kelli 17-il sena u dak iż-żmien Alfred Sant kien qed jagħti r-raġunijiet tiegħu l-għala Malta kellha tibqa’ barra mill-Ewropa. Niftakar ċar qisu l-bieraħ li Sant kien wissa’ lill-fabbriki tat-tessuti li dawn kien ser ikollhom jagħlqu u li l-importazzjoni tal-majjal kien se jkisser l-industrija tat-trobbija tal-majjali.

Dak li kien bassar fil-fatt seħħ, għalkemm dan seħħ minħabba l-bidliet li seħħew fl-ekonomija bħala konsegwenza tal-globalizzazzjoni u minħabba bidliet ekonomiċi li setgħu biss jiġu evitati biss li kieku konna qed ngħixu f’xi pjaneta oħra.

Dak iż-żmien kien dehrli li m’għandna qatt nibżgħu mill-bidliet. U ġara’ li dawk li kienu jrabbu l-majjali u dawk li kienu jipproduċu t-tessuti, daħlu għal xogħol ieħor hekk kif Malta issieħbet fl-aktar proġett demokratiku favur il-paċi li għamel suċċess fl-istorja u dan minkejja d-difetti kollha tiegħu.

Kont għadni żgħir wisq, u nittama li għandi għomor twil biex inkompli nara l-proġett Ewropew minn għajnejn li jkejlu biss skont kemm Malta se taqla’ flus bħala membru. Iżda anki dwar din il-kwistjoni, Alfred Sant mar żmerċ bil-kbir. Skont hu, Malta ma kenitx ser tirċievi aktar minn €2.5 miljun ġaladarba tissieħeb fl-UE. Tant kien mar żmerċ bil-kbir li n-nies illum tippreferi taħseb li bi kliemu kien fil-fatt qed jirreferi għal sħubija f’xi klabb tal-golf.

Meta ġie mistoqsi qatt ħassx kunflitt hu u jservi għal tant żmien bħala Membru Parlamentari Ewropew ġaladarba huwa daqstant xettiku dwar l-Ewropa, huwa wieġeb li dan il-kunflitt qatt ma kien ħassu. Stqarr ukoll, li biex ikun konsistenti ma’ twemminu, huwa dejjem irrifjuta li jipparetċipa f’kumitati, qatt m’aċċetta rwoli Ewropej u llimita ruħu li jirrappreżenta lil Malta u mhux lill-Ewropa. Kliem simili għal dan kien stqarru Nigel Farage hu u jiġbed salarju ta’ MEP kull xahar. Xejn m’għandi grazzja magħhom għax it-tnejn huma nazzjonalisti, reazzjonarji, iżolazzjonisti u, għalkemm jidentifikaw ruħhom kontra l-Ewropa, fil-fatt m’huma xejn ħlief pupazzi anti-demokratici ta’ Putin u qaddejja tal-interessi ta’ ħaddieħor.

Il-bieraħ Alfred Sant qal oħra. Stqarr li jisgħobbih li Joseph Muscat m’għadux fil-politika. Stqarr dan waqt li qal li t-tul tal-karrieri ta’ politiċi f’dan il-pajjiż saru qosra wisq. Jidher nesa l-fatt li hu stess kien serva ta’ prim ministru għall-iqsar żmien u li kien l-inqas effettiv fl-istorja. Għażel li jitkellem dwar il-ħruġ tiegħu mill-arena politika kwart ta’ seklu wara.

Stqarr li Joseph Muscat kien politiku tajjeb u li ħasra li m’għadux attiv fil-politika. Eżatt f’hiex kien “tajjeb”? Fil-korruzzjoni? Fil-kultura ta’ impunità li huwa rawwem u li wasslet għall-qtil ta’ ġurnalista? Fil-privatizzazzjoni li qerdet nofs is-servizz nazzjonali tas-saħħa? Fil-qerda tal-Air Malta?

Alfred Sant għamel karriera sħiħa jipprova jikkonvinċina dwar dak li hu stess kien jaf li mhuwiex minnu: għalih l-importanti kien li jilħaq l-għan aħħari tiegħu. Kixef idu waqt l-intervista meta stqarr li bħala eks mexxej tal-partit ma riedx isarraf għas-suċċessur tiegħu dak sarraf għalih wieħed mill-predeċessuri tiegħu (jiġifieri Dom Mintoff li kien beżqu mill-poter). Meta Sant jiddikjara li ma jridx xi ħaġa, ifisser li dik il-ħaġa fil-fatt ikun iridha.

Alfred Sant jaf x’aktarx ser iseħħ fil-ġejjieni qarib. Jaf li biex Robert Abela ikun jista’ jżomm fil-wiċċ, il-Partit Laburista ser ikollu jwarrab lil Joseph Muscat bl-istess mod kif Alfred Sant kien ipprova jeħles minn Dom Mintoff. Il-Partit ser ikun jeħtieġlu jdur kontrih u li jqanqal il-memorja tal-partitarji tal-Partit Laburista kontrihom infushom. Alfred Sant jaf sewwa li din mhix ser tkun ħaġa faċli għaliex huwa stess ma kienx irnexxilu jagħmilha.

Hu u jagħti l-appoġġ tiegħu lil Joseph Muscat, Alfred Sant ikun qed jagħmel aktar diffiċli ħajjet Robert Abela.

Jingħad li l-vendetta tagħti l-akbar sodisfazzjon meta tkun kiesħa u bierda. Dawk kollha li jemmen li ttradewh meta l-gvern tiegħu iġġarraf wara inqas minn sentejn ilhom f’moħħ Alfred Sant għal kwart ta’ seklu. Bniedem bħal Sant qatt ma jammetti tort u sa mewtu ser jibqa’ jwaħħal f’George Abela, missier Robert Abela u ser jistenna li tiġih ix-xoqqa f’moxtha biex ipattiha.

Bniedem bħal Sant ma jaħfer qatt.

Fl-intervista tal-bieraħ stqarr li ma jaqbilx ma’ dak li qalu l-Imħallfin tal-inkjesta pubblika fis-sens li l-istat kien responsabbli għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dan għaliex Daphne “ma kinitx biss ġurnalista imma kienet ukoll artikolista li kienet izzekzek fuq in-nies.” Issa erħilha li l-istat għandu jara li ma jippermettix qtil ta’ min izekzek fuq in-nies daqs kemm għandu jara li ma jippermettix qtil ta’ ġurnalisti, u li jara li min izekzek fuq in-nies ma jinqatilx f’karozzi bomba bħal dawk il-ġurnalisti li jikxfu negozjanti korrotti u l-imsieħba politiċi tagħhom għax ikunu ser ifixklulhom id-dħul ta’ flus illeċti li jkunu qed idaħħlu minn skemi korrotti.

Alfred Sant jidhirlu li Daphne Caruana Galizia kienet izzekzek fuq in-nies għax jaqbillu li jgħid hekk dwar il-mara li kienet xebgħet tikteb dwaru f’mijiet ta’ artikli. Kienet kixfet l-inadegwatezza tiegħu, kienet kitbet dwar l-istramberiji tiegħu, iddokumentat it-tmexxija żbaljata tiegħu, irridikolat l-assurditajiet tiegħu u akkużatu li ried jiżola lil Malta. Kienet mara Ewropea, progressiva, miftuħa għad-dinja. Kienet dak kollu li ma kienx hu. Hi ma kellhiex għalfejn turi wiċċ b’ieħor kif kellu jagħmel hu biex ma jitlifx is-setgħa. U xorta falla.

Bniedem bħal dan ma jaħfirha qatt.