Illum fil-qorti Joseph Muscat kompla jagħmel l-almu tiegħu biex jipprova jġiegħel lill-Magistrat Gabriella Vella tirrikuża ruħha mill-inkjesta maġisterjali li kienet talbet Repubblika dwar il-korruzzjoni li seħħet fil-privatizzazzjoni tal-isptarijiet.

Il-fehma ta’ Joseph Muscat hi l-istess fehma bħal dik tal-biċċa ‘l kbira tan-nies: jiġifieri li meta wieħed jifli l-provi, wieħed għandu jikkonkludi li Muscat għandu jaqa’ taħt suspett li wettaq delitti kriminali serji bħalma huma tixħim u l-ħasil tal-flus maħmuġin – delitti li għandhom isarrfu f’piena ta’ ħabs għal bosta snin. Il-liġijiet suppost għandhom igħoddu għal kulħadd l-istess int minn int, anki jekk xi darba kont prim ministru, jekk jirriżulta li int taħt suspett ta’ twettiq ta’ delitt kriminali. Jidher li Joseph Muscat qed jistenna li ser jiġi identifikat bħala persuna suspettata li wettqet delitt kriminali u din hi sitwazzjoni li jrid li jevitaha.

Muscat qed jipprova jgħatti xturu u llum sirna nafu b’liema għodda ġdida qed jipprova jagħmel dan.

Wieħed mill-avukati ta’ Joseph Muscat huwa Pawlu Lia, bniedem li għal bosta snin kien avukat mill-aktar prominenti tal-Partit Laburista u li hu ħabib intimu ta’ Muscat tant li, dakinhar li ngħata l-ġurament bħala prim ministru, Lia kien jinsab id-dar tal-istess Muscat għall-kolazzjon.

M’hemm xejn ħażin li wieħed ikollu relazzjoni ta’ ħbiberija mal-avukat tiegħu. Iżda mod tkun ħabib. U mod ieħor tabbuża mis-setgħa tiegħek billi tqiegħed lill-ħbieb f’karigi li bis-saħħa tagħhom ikunu jistgħu jagħtuk palata għal meta tiġi bżonn. Kien appuntu dan li għamel Joseph Muscat meta lil Pawlu Lia ħatru bħala r-rappreżentant tiegħu fuq il-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Din il-ħatra kemm il-darba konna kkritikajniha. Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja hi entità dixxiplinarja tal-ġudikatura li tgħarbel u tiddeċiedi dwar allegata mġieba ħażina ta’ mħallfin u maġistrati. Ebda ġudikant ma jista’ jitkeċċa qabel jiġi mgħoddi mill-għarbiel tal-Kummissjoni.

Aħna konna ssottomettejna li tinħoloq ċerta skumdità fost l-imħallfin u l-maġistrati li  jisimgħu it-trattazzjonijiet ta’ Pawlu Lia meta dawn ikunu jafu li, jekk ikun hemm xi ħadd li jilmenta dwar l-imġieba tagħhom, ikun l-istess Pawlu Lia li jkun qed jgħarbel l-argumenti li jistgħu jinġiebu kontrihom.

Għal Pawlu Lia, raġunar bħal dan ma jreġix. L-Oppożizzjoni wkoll għandha d-dritt li taħtar membru fuq il-Kummissjoni u r-rappreżentant tagħha kien ingħażel minn Adrian Delia meta dan kien Kap tal-Oppożizzjoni. Dan ukoll kien ħatar avukat ħabib tiegħu li jġib l-isem ta’ Vince Galea.

Din il-ħatra li kien għamel Adrian Delia ma kienet waħda li xejn ma kienet ideali. Il-mexxejja ta’ qablu Lawrence Gonzi u Simon Busuttil kienu ħatru mħallef irtirat b’reputazzjoni mpekkabbli fuq il-Kummissjoni. Iżda Adrian Delia ħatar lil sieħbu. Jingħad li l-kwalità ta’ mexxej titkejjel mill-għażliet li jagħmel f’dawk li huma ħatriet. Il-veru każ.

Dak li japplika fil-konfront ta’ Pawlu Lia, għaliex huwa avukat prattikanti li jidher quddiem il-membri tal-ġudikatura li l-imġieba tagħhom tista’ tkun mgħarbla minnu, japplika bl-istess mod fil-konfront ta’ Vince Galea li huwa avukat li jaqla’ ħobżu mit-trattazzjonijiet f’isem il-klijenti li jagħmel quddiem l-imħallfin u l-maġistrati.

Madankollu s-sitwazzjoni hi aktar gravi fejn jidħol Pawlu Lia għax dan hu l-avukat ta’ Joseph Muscat. Il-kawżi li hu mdaħħal fihom Joseph Muscat huma sensittivi mmens u ta’ piż politiku kbir. M’għandniex xi ngħidu, l-pressjoni fuq imħallfin u maġistrati li jkunu qed jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbutin ma’ Joseph Muscat hi waħda kbira, b’Pawlu Lia jew mingħajru. Araw kif qed jintefgħu dubji dwar l-imparzjalità tal-Maġistrat Gabriella Vella dan kollu għaliex Joseph Muscat qed jaraha ta’ xkiel għalih.

Iżda llum m’għadx hemm differenza bejn il-każ ta’ Pawlu Lia u dak ta’ Vince Galea. Dan għaliex sirna nafu li, mil-lum ‘il quddiem, Vince Galea hu l-avukat ta’ Joseph Muscat.

Hekk hu. Il-persuna li kien ħatar Adrian Delia għal fuq il-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja issa qed jidher għal Joseph Muscat u ngħaqad ma’ Charlon Gouder u Pawlu Lia li xogħolhom hu li jiżguraw li, jiġri x’jiġri, Joseph Muscat jibqa’ jgħaddiha lixxa.

It-theddid ta’ Joseph Muscat fuq il-ġudikanti għadu kemm irdoppja. Minn vot wieħed, Muscat issa għandu tnejn fuq il-Kummissjoni.

Huma u jaħkmu u jimminaw lill-istituzzjonijiet, kienu qalulna biex inħalluhom jaħdmu. Għax il-liġijiet suppost għandhom igħoddu għal kulħadd bl-istess mod, aħsbu ftit f’dak il-ħaddiem komuni li jinsab taħt suspett li wettaq delitt kriminali. Hu u jallega li l-imħallfin u l-maġistrati huma preġudikati kontrih, dan il-ħaddiem ifakkarhom li tnejn minn dawk li nħatru biex igħarblu l-imġieba tagħhom fil-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja qed jidhru għalih u huma mħallsin minnu. Hu sewwa li min ikun taħt suspett li wettaq delitt kriminali jkollu din is-setgħa kollha? Hekk jaħsibha Joseph Muscat.

Qatt smajtu b’istituzzjonijiet statali maħkumin mill-qarnita tal-kriminalità?