Il-bieraħ tfaċċa Silvio Grixti u lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għamillu mistoqsija retorika: “għaliex meta fil-passat riċenti kien hemm STEJJER dwar abbuż minn dawn iċ-ċertifikati l-pulizija ma nvestigawx daqs li kieku NĦAFER kollox. X’taħseb Chris Fearne?”

Membri tal-istampa lokali ppruvaw ikellmu lill-eks deputat Laburista biex dawn jingħataw  dettalji dwar l-allegazzjonijiet li għamel. U peress li dan baqa’ mistoħbi, ħasbu li kien qed jirreferi għal każ diġà magħruf. Jiġifieri dwar l-allegazzjonijiet li kienu saru dwar id-deputat tal-PN Stephen Spiteri. Dan kien ġie investigat mill-Kunsill Mediku u kien ġie mixli li ħareġ ċertifikati tal-mard għal pazjenti mingħajr ma jkun rahom minn qabel. Il-każ kien ġie mxejjen minn sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li ddikjarat li lil Spiteri l-bord tal-Kunsill Mediku ma kienx tah smiegħ xieraq.

Silvio Grixti ma daħalx fid-dettall iżda l-loġika tiegħu hi waħda ċara. Min jagħmel ċertifikat tal-mard falz li jikkonferma li persuna m’hix tajba għax-xogħol ikun qed iwettaq frodi għaliex l-istat jispiċċa biex jagħmel ħlasijiet lil min ma jkunx ħaqqu. Għaliex qerq bħal dan qed jiġi trattat b’mod differenti mill-każ li Grixti kien allegatament involut fih?

Wieħed forsi jista’ jargumenta li l-qerq li wettaq Silvio Grixti meta ħareġ ċertifikati tad-diżabilità foloz biex igħin lin-nies jirċievu ħlasijiet fix-xahar tefgħet piż kbir fuq il-poplu li jħallas it-taxxi – piż li huwa ferm akbar mill-piż tal-ispejjeż marbutin mal-ħruġ taċ-ċertifikati foloz.  Iżda meta wieħed jasal biex jirraġuna b’dan il-mod, ikun kważi kważi qed jiġġustifika l-ħruġ taċ-ċertikati foloz tal-mard.

M’huwiex l-iskop tiegħi li noqgħod inkejjel il-livelli tar-responsabbiltà. Il-qofol jinsab fil-fatt li Silvio Grixti qed isostni li l-infurzar tal-liġijiet m’huwiex wieħed ġust għaliex il-pulizija qed tħares lejn l-uċuħ. Il-pulizija tidher li tkun lesta li tħarrek lil Ċikku iżda fl-istess waqt tibqa’ tinjora l-provi li jkollha f’idejha fil-konfront ta’ Peppu.

Hawn ta’ min isemmi li Silvio Grixti ma ndirizzax l-ilment tiegħu lill-aġenzija tal-infurzar li jsostni ndirettament li qed tiddiskrimina kontra tiegħu. Lanqas ma ndirizza kliemu lil Anġlu Gafà talli l-pulizija għalqet għajnejha dwar każ ieħor ta’ qerq fil-ħruġ taċ-ċertifikati tal-mard.

L-ilment tiegħu ndirizzah b’ċertu sarkażmu lil Chris Fearne – sarkażmu li ma jħalli ebda dubju fl-imħuħ li Silvio Grixti jemmen li Chris Fearne għandu jerfa’ fuq spallejh parti mir-responsabbiltà għad-diskriminazzjoni li jgħid li sofra minn naħa tal-pulizija. Dan huwa ta’ sinjifikat kbir. Għaliex Silvio Grixti jidhirlu li l-pulizija jinvestigaw u jipproċedu bil-qorti biss kemm il-darba jkollhom il-barka ta’ Chris Fearne.

Tgħid Silvio Grixti huwa tal-fehma li Chris Fearne ried jeħles minnu? Fl-2017, Grixti u Fearne kienu tellqu flimkien għall-voti fit-tielet distrett. Fl-2022, Silvio Grixti kien diġà twarrab mix-xena politika wara li kien ġie mġiegħel jirriżenja mill-Parlament wara li nkixef l-iskandlu tal-ħruġ taċ-ċertifikati foloz tal-mard. Tgħid Silvio Grixti huwa tal-fehma li l-pulizija spiċċat biex nvestigatu kriminalment għaliex inzerta li huwa kompetitur politiku ta’ Fearne li wkoll kien jistagħad għall-voti fl-istess distrett?

Tgħid Silvio Grixti jidhirlu li Chris Fearne hu ħerqan li jżomm lil Stephen Spiteri bħala l-ministru dell tiegħu? Stephen Spiteri – li jingħad li huwa ammiratur ta’ Chris Fearne – ma jaqtax wisq bi snienu iżda jinsab kompromess dwar kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-ħruġ ta’ ċertifikati tal-mard għal pazjenti li ma jkunx eżamina minn qabel. X’jista’ jkun hemm aħjar għal ministru tal-gvern, li jkun irid iħares is-setgħa li għandu, milli jkollu ministru dell ammiratur li dwaru jkun jaf b’xi qoħob?

Huma x’inhuma l-motivi li Silvio Grixti jaħseb li għandu Chris Fearne li jara lilu fl-inkwiet u lil Stephen Spiteri jgħaddiha lixxa, dak li jgħodd huwa l-fatt li Silvio Grixti jemmen li Chris Fearne għandu s-setgħa li jiżgura r-riżultat politiku li jkun irid hu.

Grixti m’huwa jgħid xejn ġdid għaliex dan ilna ngħiduh għal żmien twil. Il-pulizija tinsab maħkuma mill-interessi politiċi tal-partit fil-gvern u din tkun lesta tinvestiga u tħarrek lil-ċerti politiċi dwar it-twettiq ta’ delitti kriminali kemm il-darba proċess bħal dan iservi l-interessi tal-partit. Silvio Grixti qed jilmenta li ċerti kriminali politiċi qed igawdu mill-impunità, li l-infurzar tal-liġijiet huwa wieħed selettiv u nġust u li s-sistema ġudizzjarja tinsab taħt kontroll politiku.

Grixti seta’ faċilment tkellem f’laqgħa ta’ Repubblika.

Iżda Silvio Grixti ma jarax għajn m’għajn ma’ Repubblika. Dan kien deputat Laburista u konsulent ta’ Robert Abela u kien inħatar konsulent wara li kien ġie mġiegħel jirriżenja mill-Parlament. Issa li qed naraw lil Silvio Grixti jikxef snienu fil-beraħ fil-konfront ta’ Chris Fearne, jidher ċar li kien hemm taqtigħa għas-setgħa. Meta Chris Fearne sema’ għall-ewwel darba bil-qerq li kien qed iwettaq Silvio Grixti bil-ħruġ taċ-ċertifikati foloz tal-mard, jista’ jkun li għamel pressjoni favur ir-riżenja ta’ Grixti. Iżda Robert Abela ma riedx iġiegħlu jwarrab mill-Parlament u pprova jipproteġi lil Grixti. Iżda fallielu u spiċċa biex lil Grixti tah premju ta’ konsolazzjoni billi ħatru konsulent fl-uffiċċju tal-prim ministru.

Nagħmilha ċara li hawn jien qed nispekula u qed insejjes ħsibijieti fuq dak li kiteb Silvio Grixti fil-Facebook. Kitba li ċertament saret biex tagħmel il-ħsara.

Għax, wara kollox, Silvio Grixti jiġi jaqa’ u jqum Stephen Spiteri jiġix imħarrek fil-qorti jew le. M’huwiex interessat li jara li l-liġijiet għandhom jgħoddu għal kulħadd l-istess. Iżda għandu interess li jara li l-liġijiet jibqgħu ma jgħoddux l-istess għal kulħadd. Bħal donnu qed jimplika li għandu jitħalla jgħaddiha lixxa bħalma, skont hu, tħalla jgħaddiha lixxa Stephen Spiteri.

Grixti jidher li hu rrabjat għall-fatt li l-omertà ma ġietx applikata fil-każ tiegħu. Fi kliem ieħor, irid li jerġa’ jingħata l-impunità li kellu. Ma jridx lill-pulizija wara biebu u li jekk dawn jibqgħu isegwu l-passi tiegħu, jasal biex jikxef il-borom politiċi. Qed ifakkar li jkun fl-aħjar interess tal-partit jekk jitħalla bi kwietu.

Id-dinamika Silvio Grixti-Chris Fearne m’hi xejn ħlief verżjoni iżgħar tad-dinamika Joseph Muscat-Robert Abela. Joseph Muscat jistenna u jippretendi li Robert Abela jiggarantilu l-impunità. U, minn żmien għal żmien, Muscat ifakkar lil Abela dwar x’għandu l-ħila li jagħmel kemm il-darba l-pulizija tażżarda tersaq lejh u tħabbatlu biebu.

Qed jimmiraw l-armi lejn xulxin.

Iżda l-ostaġġ m’huwa ħadd ħlief il-poplu.