Wara s-seduta tal-qorti tal-bieraħ li fiha qed jitlob it-tneħħija tal-Maġistrat Gabriella Vella mit-tmexxija tal-inkjesta dwar il-korruzzjoni li seħħet fil-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet, Joseph Muscat reħielha għall-Facebook, l-awla tal-qorti favorita tiegħu. Huwa kiteb dwar żewġ kwistjonijiet u waħda minn dawn kienet it-tweġiba li tah Robert Aquilina, l-president ta’ Repubblika, li l-bieraħ issejjaħ biex jixhed.
Qabel xejn, ser nagħti ftit ta’ sfond. Fis-seduta tal-qorti ta’ qabel dik tal-bieraħ, l-avukat ta’ Joseph Muscat – Charlon Gouder – tgħidx kemm kien insista ma’ Robert Aquilina biex dan igħaddilu kopji tad-dokumenti li fl-2019 Repubblika kienet issottomettiet flimkien mat-talba biex issir inkjesta maġisterjali dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Robert Aquilina kien wieġeb li hu m’huwiex is-sid ta’ Repubblika u li kien jeħtieġ il-permess tal-kumitat biex isir dan. U l-bieraħ Robert Aquilina wassallu r-risposta tal-kumitat ta’ Repubblika u t-tweġiba kienet fin-negattiv.
Minn naħa tiegħu Joseph Muscat wieġeb fil-Facebook b’dan li ġej:
Sur Joseph Muscat, iftaħ waħda widnejk.
L-ewwel nett, l-għaqda Repubblika m’hix kontabbli lejk iżda lejn il-membri tagħha. Aħna la aħna prim ministri u lanqas eks-prim ministri. Aħna m’aħniex il-gvern jew xi aġenzija tal-istat u għaldaqstant m’għandna ebda obbligu li nkunu trasparenti, speċjalment fil-konfront tiegħek. L-għaqda tagħna hi waħda volontarja ffinanzjata mill-membri tagħha stess u aħna obbligati li nkunu trasparenti fil-konfront tagħhom u, skont il-liġi, fil-konfront tar-regolatur tal-qasam volontarju.
Għaldaqstant tistenniex li ser nagħtuk xi palata biex ngħinuk timmina l-proċess ġudizzjarju li qed igħarbel l-allegata mġiba kriminali tiegħek fiż-żmien meta kont prim ministru. Għaliex, wara kollox, li jgħodd huwa l-fatt li huwa proprju int li għandek twieġeb għal għemilek fil-konfront tagħna u mhux bil-kontra.
M’aħna lesti li nagħtuk ebda palata.
It-tieni, int qed titlob dan id-dokument mingħandna għaliex il-qorti kienet ċaħdet it-talba tiegħek biex int tingħata kopja. U l-qorti kienet ċaħdet it-talba li int kont għamilt għaliex legalment int m’għandek ebda dritt li f’idejk jingħataw kopji ta’ dokumenti ta’ inkjesta u dan qabel tintemm l-istess inkjesta u qabel l-Avukat Ġenerali tiddeċiedi li tmexxi kontrik bil-qorti. Din kienet ir-raġuni għala kull talba li għamilt biex tingħata d-dokument kienet ġiet miċħuda. Appuntu għaliex int m’għandekx dritt li tarah.
Kemm il-darba int titressaq il-qorti u tiġi mixli bit-twettiq ta’ delitti kriminali, int ikollok dritt li tara u tifli d-dokument u l-prosekutur ikun fid-dmir li jurik il-provi li jkunu ser jinġiebu kontra tiegħek. Dan huwa dritt tiegħek u ħadd ma jista’ jiċħadulek. L-istat – u mhux Repubblika – huwa fid-dmir li jirrispetta d-drittijiet tiegħek.
It-tielet, meta aħna ninsistu fuq li ninsistu li l-istituzzjonijiet m’għandhom qatt jippermettu lill-politiċi u lil bulijiet bħalek li jgħadduha lixxa fejn jidħol l-infurzar ordinarju tal-liġijiet, niġu naqgħu inqumu jekk int jidhirlek li l-imġieba tagħna f’dan is-sens hi waħda vendikattiva fil-konfront tiegħek. Int mingħalik li aħna mejtin biex inpattuhielek u lis-segwaċi tiegħek tħobb tgħidilhom li aħna ma nistgħux inniżżluha li int kont irbaħt l-elezzjoni tal-2013. Għadek ma tafx kemm tinstema’ redikolu meta inti tlissen kliem bħal dan meta tliet snin ilu konna aħna li rajnik titgerbeb it-taraġ ta’ Kastilja.
Meta fl-2013 aħna ntbaħna li int kont ħtaft is-setgħa biex tħaxxen butek u hekk kif intbaħna x’kien ifisser il-famuż roadmap tiegħek, għax inħobbu lil pajjiżna ma ħadniex pjaċir narawk bħala prim ministru. Iżda li kien igħodd ma kienx id-dispjaċir li kellna għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, kienu sħabek tal-Kabinett stess li qalftuk ‘il barra u gerbuk għal isfel mit-taraġ ta’ Kastilja u dan malli ntebħu li, kemm il-darba ma jwarrbukx, kienu fil-periklu li jegħrqu miegħek bil-bastiment b’kollox. Kienu sħabek stess li ttradewk. Int minn dejjem kont taf li aħna nafu int x’issarraf. Iżda d-daqqa tas-sikkina fis-sinsla ta’ dahrek waslet mingħand sħabek stess u mhux mingħandna.
Kien l-għemil tiegħek stess li wassal għat-tmiem tiegħek. U jekk qatt issib ruħek mixli fil-qorti u tispiċċa maqful il-ħabs fejn ikun jixraqlek, ikun tort tiegħek. Għemilek biss jista’ jinkriminak. U int biss responsabbli għall-għemil tiegħek.
Int allegajt li aħna m’aħniex lesti li fil-qorti nikxfu d-dokument li fuqu tinsab imsejsa l-inkjesta. Int taf li din l-allegazzjoni tiegħek m’hi xejn ħlief gidba sfaċċata għaliex il-fatti juru li fil-qorti aħna konna ppreżentajna d-dokument li beda’ l-inkjesta. Li kieku ma ppreżentajniex id-dokument, l-inkjesta ma setgħetx issir. Fil-bini tal-qorti kont jien li ffirmajt it-talba u ħadt ġurament dwar l-awtentiċità tal-provi li konna ressaqna. Ma kienux il-pulizija li talbu li ssir inkjesta. Kienet Repubblika li għamlet it-talba.
Aħna tajna d-dokument lill-qorti iżda m’aħniex lesti li nagħtuh lilek. U hekk għandu jkun għaliex il-qorti għandha l-awtorità u mhux int, Joseph Muscat, persuna x’aktarx suspettata bit-twettiq ta’ delitti kriminali ta’ serjetà kbira. Qed tifhem issa?
Int u tirreferi għall-inkjesta dwar l-isptarijiet użajt il-kelma “sfiduċjata”. Iżda aħna tassew nafu xi trid tfisser. Int ma tafdax lill-inkjesta għaliex l-inkjesta x’aktarx qed tinvestiga lilek u lill-imġiba tiegħek. Kif qatt tista’ tafdaha? B’mod speċjali ġaladarba taf dwar il-ħlasijiet li sarulek mingħand kumpannija li kienet irċeviet ħlasijiet fiż-żmien meta Steward daħlet flok il-Vitals fit-tmexxija tal-isptarijiet.
Ma nlumekx għall-isfiduċja tiegħek għaliex x’aktarx int wieħed biss minn klikka żgħira li taf ħafna aktar dwar x’ħawwadtu fil-borma mill-maġistrat tal-inkjesta nnifisha. Aħna għandna biżżejjed informazzjoni li ġġiegħlna nissuspettaw fik. Iżda f’idejk int għandek biżżejjed informazzjoni li tista’ taqflek f’ċella.
B’xorti tajba, l-isfiduċja li għandek fl-inkjesta ma tgħodd xejn affattu. Bniedem li jiġi mixli jista’ jwerżaq kemm trid li m’għandux fiduċja f’ġudikant għaliex id-drittijiet tiegħu ser ikunu rispettati dejjem u jkollu dritt li jifli d-dokumenti li jkunu ser tintużaw bi prova kontra tiegħu. Bniedem bħal dan ikun preżunt innoċenti, sakemm ma jiġix pruvat mod ieħor u jkun ukoll jeħtieġlu jgħaddi mill-għarbiel tal-membri tal-ġurija. Barra minn hekk, ikollu d-dritt li jiddefendi ruħu u ma jistax jiġi mġiegħel jixhed u possibilment jinkrimina ruħu.
Joseph Muscat, int għandek dawn id-drittijet kollha u aħna nkunu lesti li niddefenduhomlok. Il-qorti ddeċidiet li int m’għandekx dritt għal kopja tad-dokument li aħna konna ppreżentajna dakinhar li tlabna t-tnedija ta’ inkjesta maġisterjali.
Billi toqgħod tgħajjarna ipokriti u tipprova tagħmel l-arja magħna, m’int ser tasal inkien.
Għax ma tmurx tiddobba qargħa?