Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li Jason Azzopardi tella’ dalgħodu fil-Facebook:

Dan huwa każ ieħor ta’ inkjesta maġisterjali li tikkonkludi li jeżistu raġunijiet li dwarhom għandhom jittieħdu passi bil-qorti kontra xi persuni iżda, forsi minħabba r-riperkussjonijiet politiċi serji li jista’ jkun hemm kemm il-darba jinħarġu t-taħrikiet, l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg baqgħet b’idejha fuq żaqqha.

Il-proċess kollu ta’ inkjesta maġisterjali huwa wieħed kunfidenzjali. U hekk għandu jkun għaliex dan l-istadju huwa wieħed bikri wisq biex jittratta dwar persuni suspettati. Dakinhar li l-Avukat Ġenerali jordna l-ħruġ ta’ taħrika, l-mixli jkollu d-dritt li jingħata aċċess għall-provi li jkunu ser jinġiebu kontrih. Iżda sa dakinhar li jitqiesu bħala persuni li huma taħt suspett, m’għandhomx dritt li jsiru jafu li l-każ tagħhom qed ikun mgħarbel. Iżda ġaladarba dawn jiġu identifikati mill-inkjesta u l-Avukat Ġenerali jordna li jinħarġu t-taħrikiet, ikollhom dritt li jsiru jafu li jinsabu taħt suspett. U l-proċess ma jibqax wieħed sigriet.

Iżda jekk l-Avukat Ġenerali tiddeċiedi li titfa’ l-każ fuq xkaffa, is-sigriet jibqa’ mistur. U, xi drabi, dak li jkun ġie mistur, jara d-dawl tax-xemx. Jason Azzopardi sar jaf b’każ bħal dan u kixfu. Kif sar jaf bih? Kien messu kixfu?

Jien nemmen li huwa sewwa li l-istat ikollu s-setgħa tal-kunfidenzjalità f’sitwazzjonijiet bħal dawn. L-inkjesti għandhom jibqgħu kunfidenzjali biss sakemm jiġi deċiż li jinħarġu t-taħrikiet. Nifhem ir-raġunijiet għal dan. Iżda jeħtieġ ngħid ukoll li jekk il-kunfidenzjalità tiġi abbużata u tmur kontra l-interess pubbliku u dan sabiex min għandu s-setgħa jingħata l-kenn bil-għan li l-ġustizzja ma tilħqux, inkunu fid-dmir li l-kunfidenzjalità narmuha l-baħar biex il-proċess ikun jista’ jara d-dawl tax-xemx.

F’ħoġorna għandna problema politika u istituzzjonali. Hi problema politika għaliex Victoria Buttigieg m’hi xejn ħlief qaddejja fidila tal-partit fil-gvern u wriet kemm il-darba li m’hix lesta taqdi d-dmirijiet tagħha kemm il-darba dan il-qadi jwassal biex jimbarazza lill-partit tagħha. U hi problema istituzzjonali għaliex l-għemil ta’ Victoria Buttigieg qed iwassal għal dan kollu.

Wara li l-maġistrat ikun irrakkomanda li tittieħed ċerta azzjoni, għandu jkun hemm proċess li jimponi żmien definit fuq l-Avukat Ġenerali dwar jekk għandhomx jinħarġu taħrikiet jew le. U għandu jkun hemm għassa fuq kull deċiżjoni li tittieħed mill-Avukat Ġenerali li tmur kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-maġistrat tal-inkjesta favur il-ħruġ ta’ taħrikiet. Ma jistax ikun li għandna nibqu insiru nafu b’każijiet bħal dawn bis-saħħa tal-fatt li xi ħadd ikun jogħġbu li jikxef il-borom.

Personalment ikun lest li naċċetta li tibqa’ tinżamm il-kunfidenzjalità kemm il-darba jkun hemm xi proċedura ta’ appell.

Per eżempju, deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali fis-sens li għandha tiġi injorata rakkomandazzjoni ta’ maġistrat inkwirenti tista’ tkun riveduta u revokata, jekk ikun hemm bżonn, fil-magħluq.  Jew inkella rakkomandazzjoni ta’ maġistrat biex jinħarġu taħrikiet tista’ tkun riveduta minn entità ġudizzjarja aktar għolja li jkollha s-setgħa tiddeċiedi għandhomx jinħarġu taħrikiet imsejsin fuq provi prima facie li jkun ra l-istess maġistrat. Jew inkella l-maġistrat jista’ jingħata d-dritt li jmexxi l-prosekuzzjoni huwa stess kemm il-darba l-Avukat Ġenerali jiddeċiedi li ma jmexxix.

Il-verità hi li s-sistema li għandna m’hix taħdem.

Fl-imgħoddi kellna Avukati Ġenerali ta’ kuxjenza li kienu determinati li jaraw li l-ġustizzja sseħħ.

Bla dubju nkunu boloħ jekk nibqgħu ngħixu bit-tama.